Żbalji Storiċi In Konnessjoni Mal-Istatwa Titulari
Żbalji Storiċi In Konnessjoni Mal-Istatwa Titulari
Minn dan kollu li għidna jidher li wieħed jikkorreġi żewġ żbalji li s'issa dejjem saru in konnessjoni ma' Mariano Gerada u l-istatwa titulari. L-ewwel nett m' jidherx li l-istatwa ġiet ordnata għand Gerada meta dan tela' joqgħod iż-Żurrieq minħabba l-pestatal sar fis-sena 1812-13. Nafu li l-istatwa titulari ġiet ordnata ferm qabel; fl-1803. Barra minn hekk iż-Żurrieq intmess ukoll mill-pesta f'dik is-sena fatali. Żball ieħor li baqa' jingħad huwa li l-Marjanu ħadem l-istatwa f'ħanut li dari kien hemm quddiemu il-Knisja Arċipretali qabel infethet Triq Saydon. Dan l-anqas ma' jista' jkun għaliex il-kotba tal-prokura jitkellmu ċar minn kaless li nkera biex imorru jagħmlu premura lil Gerada f'Bormla. Is-suspett li jidħlilna huwa li l-istatwa tlestiet ftit tal-ġranet biss qabel il-festa tal-1818, u li anke jekk kienet ilha mibdija, il-qofol tax-xogħol fuqha sar bejn April u Novembru ta' dik is-sena.