Ix-Xogħolijiet L-Oħra Tal-Marjani Fiż-Żurrieq
Ix-Xogħolijiet L-Oħra Tal-Marjani Fiż-Żurrieq
Biex nifhmu aħjar l-istorja ta' kif inħadmet l-istatwa titulari jeħtieġ ukoll neżaminawha fl-isfond tax-xogħolijiet l-oħra li Gerada ħadem fiż-Żurrieq. L-ewwel ma' tolqotna, mix-xogħolijiet tal-Marjani fiż-Żurrieq , hija l-istatwa ta' Santu Rokku li hemm fin-niċċa tan-naħa tal-lemin fil-faċċata tal-knisja.
L-għamla u s-sura tagħha jindikaw mingħajr l-iċken dubju l-id tas-seħer tal-Marjani. Din l-istatwa dari kienet imwaqqfa fuq pedistal fuq iz-zuntier tal-knisja, iżda sabet ruħha fil-faċċata fi żmien l-Arċipriet Mifsud għall-bidu tas- seklu għoxrin. Fuq il-pedistal tagħha hemm imnaqqxa s-sena 1814, xhieda li din inħadmet b'ringrazzjament wara l-pesta tal-1812-13. L-anqas ma' nħadmet bi spejjeż tal-knisja għaliex il-kotba tal-prokura ma' jitkellmu xejn dwarha. Fl-1821 il-prokuratur tagħha kien ċertu Luigi Zammit li minħabba fid-devozzjoni qawwija li kien hemm lejn din ix-xbieha, kien talab lill-isqof Mattei biex dan jgħoġbu jikkonċedi ndulġenza ta' erbgħin jum lil kull min jgħid PATER,AVE u GLORIA quddiema. Il-Kurja kienet tat l-indulġenza nhar id-29 t'Ottubru 1821. Iżda aktar minn hekk ma nafux. Fuq iz-zuntier tal-knisja flimkien ma'Santu Rokku kien hemm statwa oħra ta' San Pawl, statwa li llum tinsab fuq il-gwarniċun, fil-kantuniera tan-navati tan-naħa, tal-pjazza. Kritiċi tal-arti jsostnu li din ukoll għandha rabtiet artistiċi ma' Geradau tista tkun xogħol ta' xi student minn tiegħu.
L-iktar informazzjoni li għandna pero' hija dwar l-istatwa tal-pjazza. L-istoriċi Castagna u Achille Ferres, li kitbu aktar tard fis-seklu li fih għex il-Marjani, jsostnu li din l-istatwa hija ta' Gerada. Aktar ċar huwa r-rikors tal-Vigarju Kurat taż-Żurrieq fit-talb tiegħu lill-isqof biex tingħata indulġenza lil din l-istatwa. F'dan ir-rikors il-Vigarju Kurat jitkellem mill-istatwa tal-pjazza bħala '...Un opera fatta per direzzione del pui' celebre scultore Mr. Mariano...' Din l-istatwa u l-pedestal tagħha kienu tħallsu minn neguzjant Giuseppe Cassar taż-Żurrieq, residenti fl-Isla, frott il-qima li hu kellu lejn Santa Katarina. Fil-bidu l-istatwa kienet tqiegħdet fl-misraħ, f'nofs it-triq bejn il-bieb tal-ġenb tal-knisja u l-każin Sta. Katarina, u tbierket nhar id-29 t'Ottubru 1814 mill-Vigarju Kurat taż-Żurrieq f'isem l-isqof Mattei. L-indulġenza ta' erbgħin jum lil dawk li jirreċitaw Pater, Ave u Glorja kienet ingħatat mill-isqof nhar it-2 ta' Dicembru 1814. Milli jidher pero' l-istatwa (jew forsi l-pedestall tagħha?) ma' kienetx lesta minn kollox, għax ix-xogħol fuqha jidher li ntemm fl-1837 mill-iskultur Xandru Farrugia, alliev ta' Gerada, li tħalla jagħmel dan ix-xogħol bil-permess tas-Sinjura Marianna Cassar' Dingli, li dik il-ħabta kienet tippatronizzah. Mill-1838 il-knisja bdiet tieħu ħsieb ukoll tħallas bniedem biex kull jum jixgħel il-fanal quddiem din l-istatwa tal-pjazza, u għal bosta snin fis-seklu dsatax dan ix-xogħol kien fdat f'idejn Andrea Farrugia, ta' Zrott. F'Ottubru 1929 żmien il-prokuratur Dun Pawl Saydon din l-istatwa tressqet fejn narawha llum u għal dik l-okkażjoni kienu bnewlha pedistall u kolonni ġodda li ddisinjahom is-surmast Carmelo Tonna. Fl-1949, fuq l-inizjattiva tal-prokuratur Dun Leonardo Mallia, il-kolonna ġiet imżejna bi skultura dekorativa fil-ġebel maħduma mill-imgħallem Ganni Sammut, kif ukoll xogħol ta' ferrobattuto fil-ħadid ta' madwara. Nhar id-29 ta' Settembru ta' dik l-istess sena l-isqof Mons Gonzi kompla żejjinha ukoll b'indulġenza ta mitejn jum.
Xogħol ieħor importanti ta' Gerada fiż-Żurrieq, imma li baqa' ma' tlestiex, kienet il-vara proċessjonali ta' San Guzepp. B'kuntratt li sar fiż-Żurrieq nhar it-30 ta' Ġunju 1822, quddiem in-nutar Pietro Paolo Farrugia, Mariano Gerada kien intrabad li jaħdem fl-injam l-istatwa tal-Patrijarka San Guzepp, skond mudell jew bozzetto li l-iskultur nnifsu kien ta' lill-kappillan taż-Żurrieq Dun Carlo de Giovanni Inglott. F'dan il-kuntratt il-kappillan pero' kien ordna l-vara ta' San Guzepp fil-kwalita ta' prokuratur tas-saċerdot Dun Guzepp Spiteri li xtaq iħallas l-ispejjes minn butu.
Skond il-kuntratt, Mariano Gerada u l-kappillan de Giovanni ftehmu fuq il-prezz ta' 500 skud, li kellu jinkludi l-ispejjeż tax-xogħol kollu li ndaħal għalih Gerada, ‘cioe di scoltura, pittura, indoratura, pradella, pedestallo, aste, ed altro che richiede tale statua.' L-injam tal-vara kellu jkun dak hekk insejjaħ ‘legno di ponente', u x-xogħol kellu jkun lest għall-festa ta' San Guzepp tal-1823. Fir-rigward tal-pedistal, il-Marjani ntrabat li fi żmien xahar kellu jlesti d-disin u jippreżentah lill-kappillan, filwaqt li wiegħed ukoll li l-vara, pedestal u bradella kellhom ikunu kuluriti ‘secondo il gisto dei bravi pittori' u f'xi postijiet imżejnin bl-induratura.
Ġara pero' li Mariano Gerada miet fl-24 ta' Jannar 1823, bla ma laħaq lesta l-vara ta' San Guzepp. Għalhekk fit-13 t'April 1823, sar kuntratt ieħor quddiem l-istess nutar Pietro Paolo Farrugia li bis-saħa tiegħu l-prokuratur tal-Knisja taż-Żurrieq Dun Frangisk Bonnici u Antonio Gerada, bħala prelegatarju tal-mejjet żijuh Mariano , laħqu ftehim dwar il-penedenzi ta' din il-kommissjoni. Il-prokuratur Bonnici ħallas is-soma ta' 20 skud lill-Antonio Gerada bħala kumpens tax-xogħol li kien laħaq għamel zijuħ qabel mewtu. Imma minn naħa tiegħu, Antonio Gerada żamm id-dritt ta' propjeta' fuq l-injam li kien beda jaħdem fuqu żijuh Mariano sabiex ilesti l-vara ta' San Guzepp. Castagna jgħarrafna li l-vara ta' San Guzepp ħadimha fl-injam l-iskultur Vincenzo Dimech fl-1825. Achille Ferres ukoll jattribwixxi l-istatwa lill-Dimech imma jagħti d-data tat-translazzjoni tagħha bħala l-14 ta' Marzu 1824. Ma' nafux pero' jekk Dimech kompliex ix-xogħol fuq il-vara mibdija minn Gerada, jew inkella ħadimx oħra ġdida għall kollox.
Mariano kellu rabtiet oħra maż-Żurrieq. Lilu pero eżempju huma attribwiti s-sett gandlieri fl-injam li llum jintramaw madwar il-vara fil-ġranet tal-festa. Dwar dawn il-gandlieri nsibu biss xi kummenti u ntietef ħlief fil-kontijiet tal-kotba tal-prokuratua. L-ewwel tagħrif huwa tal-1822, meta Gerada kien għadu ħaj. F'dik is-sena, il-prokuratur Dan Frangisk Bonnici kien ħareġ is-somma ta' 216 il-skud ‘per spesa di sei candlieri, argentatura ed altro....' , bla ma jagħti ebda indikazzjoni ta' fejn inħadem ix-xogħol. Ħames snin wara (1827), il-prokuratur Dun Salv Magri ordna lill-iskultur Xandru Farrugia aljiev tal-Marjani, biex jaħdem is-seba' gandlieri tas-salib għall-aħħar altar maġġur biex jikkomplimenta s-sitt gandlieri, u li mbagħad ġie argentat mill-induratur Antonio Mizzi. Hawnhekk inħoss li għandi nikkorreġi żball komuni meta jingħad li Gerada ħadem iż-żewġ kandelabri l-kbar u sbieħ li fl-antik kienu jintramaw fuq il-presbiterju. Dan ma' huwiex minnu għaliex dawn il-kandelabri nħadmu ħafna snin qabel għex Gerada u jissemmew l-ewwel darba fl-1774 mill-isqof Mons. Pellerano fil-viżta pastorali tiegħu. Stilistikament ġiganteski aktarx li huma waħda mill-opri ta' Francesco Zahra għall-Knisja taż-Żurrieq. L-istess żball jiġri wkoll meta jingħad li l-Marjani ħadem l-appostli l-antiki nett li kienu jintramaw fuq l-altar maħħur. Il-fatti huma mod ieħor. Erba' minn dawn l-appostli kienu nħadmu fl-Isla fl-1731-32, u probabilment għand Paolo Zahara jew ibnu l-famuż pittur Francesco . Fi żmien il-konsagrazzjoni tal-Knisja taż-Żurrieq, ħadmu bosta xogħlijiet oħra għall-istess knisja parrokjali.
Dawn l-erba' appostli kienu ġew indorati minn Mastru Erasmo Perez, u jissemmew bħala armati fuq l-altar maġġur f'diversi viżti pastorali. Imma għall-festa ta' Santa Katarina tal-1828, żmien il-prokuratur Magri, il-knisja ħadet ħsieb tirranġa l-erba' evanġelisti l-antiki u żanżnet żweġ appostli oħra, voldiri l-appostli San Pietru u San Pawl, flimkien ma' sett gandlieri għas-sekonda tal-altr maġġur. Ix-xogħol ta' skultura u ndoratura kien sar mill-imgħallem Fortunato Schembri bi spiża ta' 210 skud, li minnhom il-kappillan de Giovanni kien ħareġ tletin skud fuq is-sett tal-appostli. Dan kollu qegħdin ngħiduh biex nuru li kemm waqt il-kwistjoni mal-prokuraturi dwar il-vara ta' Santa Katarina, kif ukoll wara, il-Marjani kellu xogħolijiet oħra għall-istess knisja parrokjali tagħna.