Monasteru ta' Santa Katarina ta' Lixandra u l-knisja taghha fil-Belt Valletta
minn Jonathan Farrugia B.A (Hons) Italian, B.A. Theol. & Hum. Stud.
Apparti l-knisja ta' Santa Caterina d'Italia fil-Belt insibu bini ieħor antik u bi storja ħelwa li jġib fuqu l-isem glorjuż tal-Patruna tagħna. Dan huwa l-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura li nsibu fin-naħa t'isfel ta' Triq ir- Repubblika. Għal din is-sena centinarja għalhekk dehrli li jkun bix-xieraq li nagħtu daqqa t'għajn lejn din il-ġawhra ċkejkna li ġġib l-isem ta' Santa Katarina, u nagħtu daqqa t'għajn wkoll lejn ir-regola l-antika tas-sorijiet li jgħixu fih. F'din is-sena speċjali ta' min naħsbu ftit fuq l-għazla li għamlu dax-xebbiet, għazla li bħal Santa Katarina, u fuq l-eżempju ta' ħajjitha, jgħixu ħajja kollha kemm hi ddedikata lil Gesù Kristu l-għarus divin tagħhom.
Il-Qima u l-imħabba tagħhom lejn Santa Katarina ta' Lixandra
Il-monasteru tas-Sorijiet Agostinjani tal-klawsura ta' Santa Katarina Verġni u Martri fi Triq ir-Repubblika l-Belt Valletta, jaf il-bidu tiegħu mil-legat li kienu ħallew il-markiżi Giovanni u Katarina Vasco-Oliviero fil-5 ta' Ottubru 1580. Il-markiż Giovanni Vasco Oliviero kien mill-Portugall u l-markiża Katarina twieldet Malta, iżda minn ġenituri ta' oriġini minn Rodi u kienu ġew Malta fis- 26 ta' Ottubru ta' l-1550 ma' xi nies oħra li kienu ġew mal-kavallieri. Il-markiża Katarina kienet ġejja mill-familja nobbli tal-konti Oliviero. Din il-koppja nobbli kellhom tifel wieħed, Giovanni, li fl-1576 marad bil-pesta. Ommu, Katarina, devota kbira tal-qaddisa li ġġib isimha, għamlet wegħda li jekk binha jfiq minn din il-marda terribbli, hija tagħti d-dar tagħha tal-Belt, Casa Vanilla, lill- Knisja. Wara xi żmien Giovanni fieq. Hu Katarina, monsinjur Mikiel Oliviero, li kien kappillan fil-Lingwa Ġermaniza, prokuratur tal-ħlas tat-Tezor ta' l-Ordni u viċi-prijur ta' San Gwann, fakkar lil oħtu fil-wegħda li kienet għamlet biex tagħti darha lill-Knisja, u hija hekk għamlet fl-1580 fil-legat ta' żewgha. Monsinjur Mikiel Oliviero miet fl-1613 ta' 62 sena. Insibu r-ritratt tiegħu fl-Università l-antika tal-Belt Valletta.
Il-Bidu tal-Komunita'
Fis-sena 1575 fil-belt Valletta xebbiet twajba fuq il-parir ta' patri ġizwita kienu jieħdu ħsieb tat-tfajliet bejn 7 snin sa 12-il sena biex jeħelsuhom mill-perikli tad-dinja. Dawn kienu joqogħdu f'dar li kienet tmiss mal-knisja konventwali ta' San Gwann, kienu jissejjħu Orfanelle della misericordia, iżda wara l-mewt tas-sinjur li kien poġġiehom fiha, l-werrieta keċċewhom. Dan ħabat fl-istess żmien meta l-markiżi Oliviero offrew Casa Vanilla lill-Knisja, għalhekk dan ix-xbejbiet ingħataw permess li jkomplu l-ħidma siewja tagħhom fil-palazz. Kienet tassew għotja providenzjali li malajr bdiet tħalli l-frott.
Dan sar fi żmien il-Papa Gregorju XIII (1572-1585) u ż-żmien li kien Gran Mastru ta' l-Ordni ta' San Gwann Fra Jean Levesque de la Cassiére (1572-1582) u fi żmien l-Isqof ta' Malta Fra Tumas Gargallo J.U.D. (1578-1583 u 1586- 1614).
Fl-1606 lil dax-xebbiet ġiethom il-vokazzjoni reliġjuza għall-ħajja tal-klawsura. Il-Knisja aċċettat ix-xewqa tagħhom għall-ħajja kontemplattiva klawstrali u l-markiżi meta raw dan bil-ġenerożità bnewlhom kappella ddedikata lill- Assunzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija mal-palazz biex fiha jkunu jistghu jisimghu l-quddies u jagħmlu d-doveri reliġjuzi tagħhom. Din il-kappella kienet fejn illum hemm l-intrata tal-Monasteru. Is-sorijiet baqgħu jieħdu ħsieb it-tfajliet, iżda peress li huma kienu klawstrali kienu jafdawhom ma' xebbiet twajba oħra biex joħorġuhom għall-passiġġati u għall-funzjonijiet reliġjuzi f'San Gwann. Dawn it-tfajliet damu jgħixu magħhom sa zmien il-Franċiżi f'Malta, mbagħad bil-permess tal-Knisja baqgħu jgħixu waħedhom.
Kien ukoll bis-saħħa ta' Monsinjur Mikiel Oliviero, ħu l-markiża Katarina, li fl-1611 it-titular tal-kappella tbiddel f'dak ta' Santa Katarina V.M. Dan ħajjar lil ħabibu Dun Glormu Delia (li kien kappillan tas-sorijiet bejn l-1597 u l-1633) biex jibdel id-dedika tal-kappella għal Santa Katarina prinċipessa martri fis-sena 305 għad unur id-donatriċi.
Il-markiżi kienu ferħanin ħafna b'dawn is-sorijiet tal-klawsura, l-aktar meta kienu jaraw lit-tfajliet nobbli u sinjuri jħallu l-frugħa tad-dinja u jagħtu ruhhom lil Alla f'dan il-monasteru, għalhekk fis-27 ta' Jannar 1611 għamlu t-testment u ħallew bħala werrieta universali tagħhom ġidhom kollu lil dawn is-sorijiet klawstrali. F'dan iz-zmien it-tifel uniku tagħhom kien ġà mejjet u midfun fil-monasteru. Wara t-testment ma damux ħajjin il-markiżi għax il-markiża mietet f'Marzu ta' l-istess sena u l-markiż miet f'Settembru ta' l-1612 u ġew midfunin f'dan il-monasteru.
Dawn is-sorijiet kienu jgħaddu l-ġranet kollha ta' ħajjithom f'talb kontinwu, f'sagrifiċċji ta' ħafna sawm, kollox għall-imħabba ta' Alla, li ma rahiex bi kbira, Hu li kien Alla mhux bħalna kreaturi mimlijin difetti, li anki jmut mislub fuq salib għall-imħabba tagħna.
L-ewwel regola tas-sorijiet ta' Santa Katarina
Il-Vigarja preżenti Suor Aloysia Bajada ġentilment tatni kopja ta' l-ewwel regola li kellhom is-sorijiet ta' Santa Katarina, li ġiet ippubblikata fl-1606. Dan il-ktejjeb huwa maqsum f'żewg partijiet: l-ewwel nofs hemm għoxrin indikazzjoni għat-tfajliet li kienu jieħdu ħsiebhom is-sorijiet; it-tieni nofs imbagħad jinkludi għoxrin punt li jifformaw ir-regola tas-sorijiet.
Id-daħla għall-istruzzjoniet għax-xebbiet tgħid li biex tfajla tiġi aċċettata fil-kunvent għandu jkollha inqas minn sbatax-il sena, għandu jkollha fama ta' tfajla verġni u tal-knisja u li l-qagħda tagħha kellha tkun waħda ta' periklu għaliha jew għal ruħha. Kull tfajla kienet obligata ġġib rispett lejn l-Isqof ta' Malta u lejn is-Superjura tal-kunvent. Kulħadd kellu jqerr almenu darba kull ħmistax. Bħala talb kienu obligati li jagħmlu nofs siegħa talb filgħodu, jgħidu r-ruzarju kuljum u jagħmlu eżami tal-kuxjenza filgħaxija; fis-Sibtijiet tal-Madonna kull tfajla kellha tagħmel xi talb żejjed għall- Knisja, għall-benefatturi, għall-Granmastru, għal min jinsab fid-dnub il-mejjet u għal min jitlobhom jitolbu għalih. Kellhom ukoll jitgħallmu mingħand is-sorijiet jagħmlu l-faċendi tad-dar u ma jitgħazznux. It-tama tagħhom kellha tkun kollha kemm hi f'Alla; tama f'persuni oħra, anke fl-istess ġenituri, kienet meqjusa bħala zbaljata. Darba kultant kull tfajla kienet mistennija titlob li tagħmel xi penitenza zgħira bħala tpattija għal xi nuqqasijiet li setgħet għamlet: dawn kienu jinkludu jew li tiekol fl-art, jew li tgħid xi talb qabel l-ikel, jew li tbus saqajn is-sorijiet kollha. Biex joħorġu mill-kunvent kellu jkollhom raġuni valida, kellhom joħorgu tnejn tnejn u joqgħodu jkantaw l-innijiet waqt li jżommu ħarsithom baxxa bħala sinjal ta' modestja. Naturalment kienu obbligati jħobbu u jirrispettaw lil xulxin bħal aħwa fi Krsitu, josservaw is-silenzju matul il-ġurnata kollha ħlief siegħa wara l-ikel li fiha setgħu jitkellmu dwar affarijiet xierqa u li jkomplu jsaħħulhom il-karattru fl-imħabba lejn Alla. Fl-aħħar ftit regoli t-tfajliet kienu mħeġġa jżommu l-indafa u l-ordni fil-lok fejn kienu jgħixu, u aktar u aktar iżommu ruħhom safja minn kull tgerfix tad-dinja u minn kull ġmiel estetiku sabiex aktar jidhru sbieħ f'għajnejn il-Mulej.
Dawk li xtaqu jsiru sorijiet kellhom imbagħad xi regoli oħra li kellhom iħarsu. L-ewwel nett kellhom iżommu f'moħħhom li kellhom ikunu ta' eżempju tajjeb kull ħin. Il-kappillan tas-sorijiet kellu jeżamina kull aspiranta biex jiddeċiedi meta din setgħet tagħmel il-professjoni li fiha tħaddan il-voti tal-povertà, il-kastità u l-ubbidjenza. Dawn kienu jiġu mġedda ta' kull sena fil-festa tal-preżentazzjoni tal-Madonna. B'rispett lejn il-vot tal-povertà kellhom jaqsmu bejniethom kull ma kellhom, sabiex kollox ikun għad-dispożizzjoni ta' kulħadd għal kull bżonn li seta' jinqala'. Il-vot tal-kastità kien jitlob li s-safa tiġi mħarsa l-ewwel u qabel kollox fil-moħħ - xewqat u ħsibijiet li setgħu jaqraw għal xewqat ħziena kellhom jitwarrbu immedjatament, ma setgħux jaqrgħu kotba profani meqjusa bħala disonesti, kull waħda kellha torqod weħidha ġos-sodda tagħha. Ħadd ma' nies sekulari, juri xagħaru jew juża xi fwejjaħ. L-ubbidjenza waħda tkun dejjem lesta li tobdi r-Regola u kullma tgħidilha Il-għan għall-ubbidjenza ma kellux ikun ieħor għajr l-im obda sal-mewt.
Peress li kienu sorijiet klawstarli ħadd minnhom ma seta' joħroġ mill-monasteru jew idaħħal xi persuna li ma kienetx reliġjuża. Meta, għall-bżonn, jidħol it-tabib jew il-barbier, dan kellu jkun akkumpanjat minn waħda mill-ixjeħ sorijiet. It-talb tal-kor kien obbligatorju għal kulħadd, u dan kellu jsir f'daqqa mhux individwalment. Jekk xi waħda tagħmel xi zball, din kellha qabel jispiċċa l-kor tinżel għarkubbtejha quddiem is-superjura u titlob penitenza.
Ħafna minn dawn ir-regolamenti llum il-ġurnata narawhom rridu nzommu f'moħħna li dawn inkitbu erba' mitt sena ilu ta' regoli li kienu jħaddnu ħafna Ordnijiet reliġjużi. Madankollu li wħud minn dawn ir-regoli għadhom attwali sal-lum!
Bini mill-ġdid u bidla fit-titular tal-knisja
Fl-1714, fi zmien il-badessa Apollonja Debono (li zammet dan il-karigu bejn l-1712 u l-1718), dawn is-sorijiet bdew jibnu l-knisja u l-monasteru kif narawhom illum. Il-pjanta kienet tal-kavallier Romano Fortunato Carapecchia (1668-1738) minn Firenze, perit popolari ħafna fi żmien l-Ordni. 2L-imgħallem bennej kien Toni Cachia3.
B'xorti ħazina lis-sorijiet malajr spiċċawlhom il-flus, u x-xogħol kellu jieqaf. Wara kwazi ħamsin sena, il-kavallieri aċċettaw li jipprovdulhom parti minn dak li kellhom bżonn biex ix-xogħol seta' jitkompla. Ix-xogħol reġa' beda fil-25 ta' Frar 1765 mill-istess bennej (issa ħafna aktar anzjan fiż-żmien!) li issa kien laħaq perit u lestielhom kollox f'sena żmien.4 Dan gara fi zmien li kienet badessa Tereza Maddalena di Conti Bianchi (1750-1767) li missierha, l-konti Gejtan li kien serva ta' gurat fl-Università jew Gvern ta' l-Imdina fl-1728, ħareg ukoll parti tajba mill-ispejjez li kien hemm bżonn.
Dal-monasteru u l-knisja ta' Santa Katarina ġew imbierka u inawgurati mill-isqof djocesan Fra Bartilmew Rull (1757-1769) fit-8 ta' Novembru ta' dik is-sena 1766, assistit mill-kapitlu ta' San Pawl Nawfragu bl-arċipriet kanonku Paskal Grima (15/11/1760-28/2/1780) li qabel kien serva ta' kappillan konfessur tas-sorijiet ta' Santa Katarina bejn l-1750 u l-1752. Għal din l-okkażjoni kienu ħadu sehem bosta kavallieri u kappillani konventwali ta' San Gwann. Infatti minn dik is-sena, il-membri ta' l-Ordni dejjem baqgħu jieħdu sehem fil-festa ta' Santa Katarina sa kemm fit-18 ta' Ġunju 1798 il-Ġeneral Napuljun Bonaparti ġagħalhom jitilqu minn Malta.
Fl-okkazjoni tat-tberik tagħha, dil-knisja l- ġdida ġiet iddedikata lill-Preżentazzjoni ta' Marija fit-Tempju kif hija llum biex tfakkar iżjed ħafif lis-sorijiet fid-dedikazzjoni tagħhom lil Alla. Il-kwadru titulari sar mill-artist Enriku Arnaux (1692-1766) - dan kellu jkun l-aħħar xogħol tiegħu. Peress li dil-knisja ġdida saret ikbar minn ta' qabel setgħu jiżdiedulha żewg artali laterali. Dak fuq ix-xellug ġie ddedikat lill-Protettriċi tagħhom fis-sema Santa Katarina ta' Lixandra, u dak fuq il-lemin lil San Gwann Battista5 bħala tfajjel b'rispett lejn l-Ordni tal-kavallieri li kienet xi ftit għinitom fl-ispejjez tal-bini u b'rispett ukoll lejn iż- żewg benefatturi tagħhom in-nobbli Katerina Oliviero u żewgha l-markiż Giovanni Vasco u ta' binhom Giovanni wkoll rispettivament. Iż-żewg pitturi kienu xogħol l-artist Malti mill-Isla Francesco Zahra.
Dil-knisja ġdida għandha tul ta' 53 pied u 27 pied fil-wisgħa, għandha forma eleganti ħafna u hi mibnija fil-format ta' ordine composto. Ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Fra Vincenzo Labini (1780-1807) minn fil-15 ta' Ġunju 1783.
Is-sorijiet iħaddnu r-regola Agostinjana
F'nofs is-seklu XIX preċiżament fis-sena 1850 dawn is-sorijiet permezz tal-badessa ġdida tagħhom Giovanna-Francesca Mamo 'tal-Bambin Gesù' (1850- 1857; 1863-1869; 1875-81, 1884-1890) talbu lill-provinċjal ta' l-Agostinjani (1847- 1857) Patri Gejtan Pace-Forno (twieled f'Għawdex 5/6/1808, intagħzel isqof titulari ta' Ebron 25/9/1857, Arċisqof ta' Malta 3/12/1857 u miet f'Napli 22/7/ 1874) u dan fiż-żmien u bl-approvazzjoni sħiħa ta' l-Arċisqof ta' dak iż-żmien Monsinjur Publiju-Marija dei Conti Sant6 , mill-Belt (twieled 1779, Isqof titulari ta' Lorada 1817, Arċisqof ta' Malta fis-17/11/1847 u miet fil-palazz tal-familja tiegħu 'Casa Rocca GrandeZ, illum Palazzo Messina preciżż fuq in-naħa l-oħra tat-triq ta' dal-monasteru u knisja, fit-28/10/1864) biex jaffiljahom ma' l-Ordni illustri ta' Santu Wistin. Meta xewqithom ġiet mogħtija huma malajr ħasbu biex jibdlu l-pitturi taż-żewg artali laterali. L-artal ta' Santa Katarina ġie iddedikat lill-Madonna tal-Konsolazzjoni, jew taċ-Ċintura, b'Santa Katarina ta' Lixandra qiegħdha tirċievi ċ-ċurkett tat-tieġ mistiku tagħha mit-tarbija Gesù (bħala rikordju tal-protettriċi ċelesti u tal-benefeattriċi terrena tagħhom) u b'Santa Monika tirċievi ċ-ċintura tas-salvazzjoni mingħand il-Madonna; dak ta' San Gwann Battista ġie iddedikat lil Santu Wistin Isqof ta' Ippona u Duttur tal-Knisja, il-koprotettur ċelesti tagħhom ġdid.
L-aħħar saċerdot kappillan-konfessur mill-kleru djoċesan kien Dun Manwel Borg (1931-1937) u wara dan l-uffiċċju ngħata lill-Patrijiet Agostinjani, peress li s-sorijiet ġew affiljati magħhom.
Il-pitturi u xi ornamenti li hemm fil-knisja
Taħt il-pitturi tal-Madonna taċ-Ċintura u ta' Santu Wistin naraw żewg pitturi iżgħar li jirrappreżentaw lill-Familja Mqaddsa mat-tfajjel San Gwann il-Battista (f'memorja tad-dedikazzjoni ta' qabel ta' l-artal l-ieħor tal-lemin) u tal-Madonna tal-Buon Kunsill tant maħbuba mill-Ordni Agostinjan ma' l-artal ta' Santu Wistin. Dawn l-erbgħa pitturi ta' fuq iż-żewg artali laterali nzertaw ukoll l-aħħar xogħlijiet mill-artist professur Pietru-Pawlu Caruana (1794-1852) mill-Belt. Ftit taż-żmien wara saru l-erba' pitturi ta' fejn l-artal maġġur: tnejn kbar juru lil missierhom tas-sema Santu Wistin jagħti r-regola lis-sorijiet u l-mewt ta' Santa Monika omm Santu Wistin, it-tnejn magħmulha minn artist minn Firenze u saru flok tnejn li juru l-qtugħ ir-ras ta' San Gwann u San Pawl jikkonsagra lill-prinċep tal-Gżira San Publju bħala l-ewwel isqof ta' Malta u Għawdex li kienu saru wkoll mill-artist Senglean Francesco Zahra (1680-1765). Daż-żewg pitturi kienu saru fl-1763 u 1764 u għalihom ħallsu żewg badessi: Suor Florinda Smeralda (dei Conti) Ciantar (1759-1764) u Suor Rosalba de Lucis (1764-1767). Fit-tieni nofs tas-seklu sbatax saru wkoll żewg pitturi żghar li juru l-Qalb Imqaddsa ta' Gesù u l-Qalb Imqaddsa ta' Marija, it-tnejn mill-artist Rafel Caruana (1816-1872) iben l-artist Pietru-Pawlu. Dawn saru flok tnejn ta' San Pietru u ta' San Pawl iż-żewg kolonni tal-Knisja Universali.
L-erba' pilastri maġġuri tal-knisja għandhom żewg pitturi kull wieħed, kollha juru qaddisin ta' l-Ordni Agostinjan: l-erbgħa ta' fuq huma qaddisin irġiel: San Tumas minn Villanova-Portugall Arċisqof ta' Valencia-Spanja li baqa' msemmi għall-karità li kien jagħmel u li miet fl-1555; San Nikola minn Tolentino (1246- 1303), Sant'Antoninu martri u San Gwann Fakundu minn Salamanca li kien devotissimu tas-Sagrament Ewkaristiku u li miet fl-1470. Dawn tpittru wkoll minn Rafel Caruana tal-Belt. L-erbgħa ta' taħthom jirrappreżentaw qaddisin nisa: Santa Rita minn Cascia; Santa Klara minn Montefalco, il-propagentriċi kbira tad-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta' Gesù u li kienet ħabbret li meta tmut isibu bħal tliet tbajja fuq qalbha bħala l-għeliem li ħallew warajhom it- Tliet Persuni tas-Santissima Trinità għall-imħabba profonda li kellha versu lejhom; Santa Kristjana verġni u martri devotissima tal-Kurċifiss; u Santa Guljana Falconieri verġni minn Udine li permezz li ma setgħetx titqarben minħabba li kienet ferm marida l-Ostja mqaddsa li s-saċerdot kien ipoġġilha fuq moħħha kienet tisparixxi b'miraklu ta' kuljum u quddiem dawk kollha prezenti fejnha. Dawn l-erba' pitturi ta' l-aħħar għamilhom l-artista Toni Gatt7 minn Bormla (1832-1912) missier il-famuz pittur u skultur Abram (1865-1944). Tlieta minn dawn l-istess erba' nisa qaddisin Agostinjani kienu tpittru ma' qaddisa oħra wkoll mill-pittur Rafel Caruana fuq nett taż-żewg artali laterali: Santa Rita u Santa Guljana fuq l-artal ta' Santu Wistin, u Santa Massima u Santa Klara fuq dak ta' Santa Katarina.
F'din il-knisja nsibu wkoll żewg irħamiet kbar ta' rikordju li tpoġġew mal- ħitan fl-1896. Ta' fuq il-lemin tfakkar lit-twajbin nobbli Govanni u Katarina Vasco-Oliviero, waqt li dik ta' fuq ix-xellug tikkommemora li dil-knisja u l-monasteru ngħataw il-filjolanza ma' l-Ordni Agostinjan b'digriet tal-qdusija tiegħu l-Papa Piju IX (1846-1878) fid-29 ta' Lulju 1850 u promulgat u esegwit fit-3 ta' Sattembru 1851 meta dawn is-sorijiet kellhom bħala kappillan-konfessur lil Dun Gwann-Battista Cauchi (1844-1853) u li din l-għaqda ġiet ikkonfermata fl-1893 b'rakkomandazzjoni ta' l-Arċisqof Pietru Pace8 fi żmien il-kappillan konfessur Dun Duminku-Saverju Hyzler (1887-1899).
Il-koppla u l-fontispizju ġew iddekorati mill-artist ċelebri Ġużeppi Cali" mill- Belt (1846-1930) fl-1882, fi zmien il-kappillan-konfessur qaddis (1881-1884) Dun Sidor dei Conti Formosa Montalto (1851-1931) mill-Belt, u l-Badessa Marija- Kjara Borg 'tal-pjagi mqaddsa (1881-1884). Iċ-ċentri tat-tmien flieli tal-koppla juru diversi stemmi. Dak li tiġi bi dritt it-titular juri n-nome di Maria; dak fuq l-artal tal-Madonna tal-Konsolazzjoni b'Santa Katarina fih l-istemma ta' dil qaddisa Lixandrina, dak fuq l-artal ta' Santu Wistin naturalment fih l-istemma ta' l-Ordni Agostinjan, waqt li l-flieli li jibqa' huma mżejjnin bl-istemmi tal- Madonna meħudin mil-litanija ta' Loreto alternati ma' tnejn gustuzi u sinifikattivi daqshom li juruna lil Marija bħala l-gwida tagħna biex naslu fi zgur f'pajjiżna l-ġenna: dawn huma Domus aurea (dar tad-deheb), Stella matutina (kewkba ta' fil-għodu), Stella maris (kewkba tal-baħar), Janua coeli (bieb tas-sema) u Pharus salvationis (lanterna tas-salvazzjoni). Madwar il-koppla hemm ilbassoriljevi ta' l-Evangelisti: San Mattew bl-anġlu, San Gwann bl-ajkla, San Mark bl-iljun u San Luqa bil-barri.
Fuq in-niċċa kbira t'isfel ta' l-istatwa ta' Santa Rita u fuq il-bieb ta' quddiemha tas-sagristija hemm żewg irħamiet oħra f'forma ovali. Dik tal-lemin tikkommemora meta l-Papa Klement XIII (1758-1769) ta fil-15 ta' April 1761 indulġenza plenarja ma' kull quddiesa celebrata fl-artal maġġur ta' dil-knisja għall-erwieħ tas-sorijiet mejtin jew li waslu fil-ponta ta' ħajjithom, għar-ruħ ta' membri tal-familji tagħhom sat-tieni grad u anke għar-ruħ tal-benefatturi; l-oħra fuq il-bieb tas-sagristija fuq ix-xellug tfakkar il-konsagrazzjoni ta' dil knisja ddedikata lill-Madonna Omm Alla u reġina tas-sema u ta' l-art mill-Isqof Fra Vincenzo Labini fil-15 ta' Ġunju 1785.
L-istatwa ta' Santa Rita (1381-1447) saret ftit snin wara li saret qaddisa mill- Papa Ljun XIII (1878-1903) fl-24 ta' Mejju 1900 wara li kienet ilha ibbeatifikata mill-Papa Urban VIII (1623-1644) fl-1637. L-istatwa saret mill-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri (1885-1979) fl-1910 fi żmien il-Badessa Marija-Katerina di Gesù Nazzareno (1889-1902 u 1908-1915) u l-kappillan-konfessur il-Kanonku Emmanuel Fleri-Soler (1902-1911) u tpoġġiet flok statwa devottissima ta' l-injam Ecce Homo li kien għamilha l-iskultur kbir Marjanu Gerada (1770-1823) minn Bormla fl-1802 fi żmien il-kappillan-konfessur Dun Alwig Borg (1801- 1809) u l-Badessa Francesca Rosignani (1796-1810).9 Fil-ġnub tal-bieb ta' barra hemm żewg niċeċ żgħar bil-busti ta' Gesù Nazzarenu u ta' Marija Addolorata libsin il-bellus, xogħol Spanjol minn Sevilja. Fis-sagristija hemm dawn il-pitturi: Gesù kurċifiss, il-qtugħ ir-ras ta' San Gwann il-Battista, Il-konsagrazzjoni ta' San Publju bħala l-ewwel isqof ta' Malta u ta' Għawdex minn missierna l-appostlu San Pawl, San Pietru, San Pawl.10 Hemm ukoll pittura bl-erba' dutturi tal-Knisja: il-Papa San Girgor, il-kardinal San Glormu, l-isqof Santu Wistin u l-arċisqof San Ambrog, oħra b'San Tumas minn Villanova, Agostinjan arċisqof ta' Valencia qiegħed iqassam il-karità lill-fqar u pittura tal-Madonna tal-Bon Kunsill u ikona Bizantina tal-predestinazzjoni ta' Marija.11 Naturalment jinsabu wkoll bosta relikwarji: wieħed f'forma ta' artal b'biċċa mis-Salib ta' Kristu fih, ieħor ukoll b'biċċa mis-Salib b'ħafna teki ta' għadam ta' qaddisin madwaru, ieħor b'għadma kbira f'niċċa b'sitt teki fuq il-ġnub u bi tlieta fuq, gwarniċ ovali b'ħafna relikwi ta' qaddisin, tliet gwarniċi oħra wkoll ovali iżgħar u b'ħafna għadam qaddis, kif ukoll erba' gwarniċi kbar dejjem b'numru ta' għadam ta' qaddisin. Fl-2004 saret statwa ħelwa ta' Santa Katarina V.M. minn Manwel Zammit li tinzamm fil-parlatorju u li tintrama' fil-kappella għall-festa li tiġi ċċelebrata fil-25 ta' Novembru.
Għeluq
Għalkemm illum il-ġurnata s-sorijiet jitqiesu bħala Agostinjani u mhux aktar bħala sorijiet ta' Santa Katarina, xorta waħda d-devozzjoni tagħhom lejn din il-qaddisa kbira għadha qawwija u ħajja. Xhiedha ta' dan huwa l-fatt li l-monasteru żamm l-isem oriġinali tiegħu bħala Monasteru Santa Katarina V.M., kif ukoll il-festa sabiħa li ssir ta' kull sena bl-għasar u bil-quddiesa solenni li fiha l-kappella tkun kollha armata bid-damask prezzjuż tal-palma u bl-apparat kollu meħtieġ tal-fidda. Tajjeb li f'dis-sena ċentinarja niftakru fil-bżonnijiet ta' das-sorijiet fit-talb tagħna, kif ukoll nitolbu aktar biex jitkattrulhom il-vokazzjonijiet.
- 1. Regole delle figliuole della presentatione della Madonna dette della misericordia, Malta 1606.
- 2. Carapecchia kien għamel ukoll il-pjanta tal-knisja ta' Santa Caterina d'Italia li tajnieha ħarsa s-sena l-oħra.
- 3. Toni jidher li kien l-ewwel minn dinastija ta' rġiel li saru periti u bennejja famużi. Ibnu Duminku (1710-1790) kien li ħażżeż il-pjanta tal-kolleġġja ta' Sant'Elena f'Birkirkara, filwaqt li iben Duminku, Anton kien il-perit tal-bazilka ta' Porto Salvo, l-ewwel parrocca tal-Belt.
- 4. Taħt il-monasteru nbniet ukoll kripta biex fiha jindifnu s-sorijiet. Fiha hemm madwar 213-il soru midfuna. Meta twaqqaf id-dfin fil-knejjes is-sorijiet bdew jindifnu fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata.
- 5. Il-pittura ta' San Gwann Battista, xogħol ta' Francesco Zahra, ġie rrestawrat fl-1984 minn Manwel Zammit taż-Żejtun.
- 6. Dan kien l-isqof li ħatar lil Santa Marija Assunta patruna speċjali tal-Gzejjer Maltin fit-18 ta' Frar 1848 permezz tal-kelmiet 'Maria Assumpta Melit¾ patrona et princeps inter sanctos titulares.
- 7. Toni ma tantx baqa' magħruf. Ibnu, perezempju kellu jħalli isem li ma jispiċċa qatt permezz li għana l-knejjes tagħna b'numru kbir ta' opri artistiċi. Kien Abram Gatt (1865-1944).
- 8. Monsinjur Isqof Pietru Pace twieled f'Għawdex fid-9 ta' April 1831, sar Isqof t'Għawdex fit-28 ta' Frar 1877 u Arċisqof ta' Malta fil-11 ta' Frar 1889. Miet fid-29 ta' Lulju 1914.
- 9. Din kienet dejjem tinzamm mgħottija, u li llum tinsab fil-monasteru. Madwar għoxrin sena ilu ġiet restawrata minn Manwel Zammit.
- 10. Dal-pitturi qabel kienu jinsabu fil-knisja imma tbiddlu ma' oħrajn li jirrapprezentaw xi qaddisin Agostinjani
- 11. Din kienet ġiet irregalata fl-1675 minn monsinjur Antonio Tolossenti, pro-inkwiżitur bejn l-1676 u 1677, fi żmien li oħtu kienet il-badessa ta' dal-monasteru bħala Madre Skolastika Tolossenti.