Tħejjija għall-għeluq il-mitejn sena Ssebbaħ it-Tempju Tiegħek
Mariano Gerada Jahdem L-Istatwa Titulari
Il-ħolma li l-Knisja taz-Zurrieq takkwista l-vara proċessjonali tagħha bdiet titwettaq fil-bidu tas-seklu dsatax fi żmien il-kappillan Dun Gaetano Buttiġieġ (1802-1816), u l-prokuratur tal-knisja Dun Baskal Bonnici (prokuratur bejn l-1792 u 1803). Imma għall-kummissjoni tal-istatwa titulari, l-kappillan għażel bħala prokuraturi speċjali lill-Mastru Arcangelo Zammit u s-Sur Guiseppe Malli. Dak iz-żmien il-parroċċa u l-fratellanzi tagħha ma kellhomx vari proċessjonali ħlief l-istatwa l-qadima tad-Duluri, u naturlament il-korp sant ta' Santa Klementina. L-anqas ma kienet ħaġa tqila biex jinstab l-iskultur għaliex dik il-ħabta kien ġie jiddomina x-xena l-iskultur Mariano Gerada (1766-1823) jew kif għadu magħruf sa llum fost iż-Żrieraq il-Marjani, iżda ta' min isemm li fl-istess żminijiet kien hemm wkoll l-iskultur Sigrismondo Dimech (1780-1853).