Kuntratt Għall-Vara
Kuntratt Għall-Vara
Il-kummmissjoni lill-Gerada biex jaħdem il-vara titulari tal-purċissjoni għall-parroċċa taż-Żurrieq saret b'kuntratt notarili tas-26 t' Ġunju 1803 quddiem in-nutar Pietru Paolo Farrugia. Minħabba l-valur u l-importanza storika tiegħu qed nagħtu hawnhekk traduzzjoni bil-Malti ta' dan il-kuntratt bejn bejn il-Lampada taż-Żurrieq u Gerada mill-oriġinal fl-Arkivju Notarili.
"Illum is-sitta u ghoxrin ta' Gunju 1803:
Personalment quddiemi Nutar u xiehda hawn taħt imsemmija, qiegħed jidher is-Sinjur Maruzzo Gerada, bin il-mejjet Antonio, minn Hal-Tarxien, imma li jogħod f'Bormla, li minn rajħ iwiegħed lill-Wisq Rev. Dun Gaetan Buttiġieġ, Kappillan attwali tal-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq, lill- imgħallem Arcangelo Zammit bin il-mejjet Giovanni u lill-Giuseppe Mallia, bin il-mejjet Paolo, ilkoll miż-Żurrieq, preżenti hawn quddiemi, u magħżula mill-imsemmi Kappillan Buttiġieġ bħala prokuraturi ta' din il-kummissjoni, illi jiskolpi statwa fl-injam li turi lill-Santa Katarina Verġni u Martri, titular tal-imsemmija Knisja Parrokkjali. Din għandha tkun tixbaħ lill dak l-abbozz (mudell)magħmul fiċ-ċokon mill-istess Gerada u miżmum fid-dar tal-Kappillan, u l-imsemmi Gerada qiegħed jobbliga lillu nnifsu u jkun mizmum li hekk kif itemm l-iskultura tal-vara, jindura u jorqomha minn kollox, kif titlob l-arti tal-iskultura, induratura, u l-bqija, hekk li (l-vara)tkun għolja biżżejjed biex biha jistgħu jsiru l-purċissjonijiet, u dan kollu fi żmien sal-15 t'Ottubru tas-sena d-dieħla 1804. Bħala ħlas tax-xogħol fuq l-istatwa msemmija, voldiri għall-iskultura, indoratura, u dak kolu msemmi hawn fuq, il-kappillan Buttiġieġ (flimkien ma Zammit u Mallia qegħdin joffru lill-imsemmi Sinjur Gerada is-somma ta' seba'mitt skud f'muniti, li l-Kappillan Buttiġieġ, Mastru Arcangelo,w' Guiseppe flimkien iwegħdu li jgħaddu lill-Gerada f'erba' pagamenti indaqs, cioe' kwart tas-somma sal ħmistax t'Awissu li ġej (1803), kwart ieħor meta titlesta parti mill-iskultura, kwart ieħor meta tintemm l-iskultura, u raba' pagament meta x-xogħol ikun kif titlob l-arti u l-professjoni artistika. U hekk ħalfu.
Magħmul fiż-Żurrieq, preżenti x-xhieda msemmija
Maruzzo Gerada, kontrattwant
Gaetano Buttiġieġ, kontrattwant
Mastru Arcangelo Zammit, kontrattwant
Guiseppe Mallia, kontrattwant
Sacerdot Andrea Zammit miż-Żurrieq , xhud
Jiena Saċerdot Paoli Cutajar miż-Żurrieq, xhud"
Il-kuntratt mele sar fiż-Żurrieq, probabilment fil-knisja parrokkjali, bejn Gerada fuq naħa waħda u l-Kappillan Buttiġieġ, flimkien mas-sinjuri Zammit u Mallia, prokuraturi tal-progett, fuq in-naħa l-oħra żewg qassisin Żrieraq derhu bħala xhieda. Qabel iddeċiedew fuq il-kommisjoni, Gerada kien ġa ħadmilhom mudell jew abbozz bħala kampjun tax-xogħol li kien fi ħsiebu jagħmel, u li naturalment kien intgħġob u ntlaqa' tajjeb. Lill-iskultur tawh sena u kważi erba' xhur żmien biex ilesti x-xogħol, bil-prezz ta' seba' mitt skud. Iżda l-kuntratt fih ftit wisq dettalji u kundizzjonijiet artistici mposti minn naħa tal-prokuraturi fuq l-iskultur. Jissemma' biss l-injam tal-arżnu u li l-iskultur kellu jiskolpi l-vara, jinduraha w jorqomha. Bnadi oħra, per eżempju fil-kummissjoni tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju tas-Siggiewi (Jannar 1803), u fl-istatwa ta' San Guzepp taż-Żurrieq (1822) li Gerada qatt ma' lesta, il- kuntratt ma' Gerada jidħol f'ħafna dettalji dwar il-kummissjoni. Per eżempju fil-kaz tal-kummissjoni tas-Siġġiewi, il-pittur Michele Busuttil u l-iskultur Guiseppe Casha kellhom jissorveljaw u japprovaw ix-xogħol. Ma l-istess vara kellu jinħadem ukoll il-pedistal indurat (li Gerada ħadem għand Michele Scolaro tal-Belt), u wkoll il-lasti għar-reffiegħa, u fil każ tal-kummissjoni għall-vara ta' San Guzepp taż-Żurrieq, il-kuntratt isemmi fost l-oħajn il-kwalita tal-injam, pedestall u bradella, lasti, kulur, indoratura u l-opinjoni ta' ‘bravi pittori'. Iżda għalkemm il-kuntratt għall-Santa Katarina taż-Żurrieq huwa ftit xott minn xi dettalji, xorta waħda jibqa' dokument importanti ħafna għaliex huwa wieħed mill-ftit kuntratti li nafu bihom dwar ix-xogħolijiet ta' Gerada .Kelma oħra ckejkna dwar il-prezz li talabhom l-iskultur, jiġifieri 700 skud prezz għali ġmielu għal dawk iż-żmienijiet, anke meta wieħed iqabblu mal-prezzijiet li tħallsu fuq kommissjonijiet oħra ta' Gerada. Hekk per eżempju għall-vara tar-Rużarju tas-Siġġiewi, Gerada kien talab 550 skud, filwaqt li għall dik ta' San Guzepp taż-Żurrieq kien ftiehem fuq 500 skud.