25 ta' Novembru
Jum Santa Katarina jerga jidhol lura fil-messal Ruman
(miktub fis-sena 2002)
...Ferha kbira ghalina z-Zrieraq u ghad-devoti kollha ta' Santa Katarina
Vergni u Martri ta' Lixandra
Meħtieġa xi prova tad-devozzjoni li l-Qdusija Tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu II
għandu lejn il-Qaddisa Patruna tagħna Santa Katarina ta' Lixandra, din waslet f'dak il-vjaġġ tiegħu lejn il-Monasteru tagħha fis-Sinaj nhar is-26 ta' Frar 2000. F'dan il-pellegrinaġġ storiku rajna lill-Papa Ġwanni Pawlu II jinzel għarkubtejh, jitlob quddiem il-fdalijiet ta' ġisem il-Qaddisa tagħna Santa Katarina u mbagħad ftit ħin wara jersaq lejhom, iqimhom u jbushom. Fi tlett okkazzjonijiet waqt dan il-vjaġġ il-Papa faħħar lill-Santa Katarina b'dawn il-frazi:
» minn din il-muntanja post ta' talb taħt il-protezzjoni tal-Martri Qaddisa Santa Katarina ta' Lixandra
» Lil Santa Katarina ta' Lixandra li l-fama tagħha ghadħa hajja fid-devozzjoni ta' l-insara u fl-isem ta' ħafna knejjes fil-pajjiżi tad-dinja
» Hawn il-ġisem tal-Martri Santa Katarina sab l-aħħar post tiegħu tal-mistrieh
U bhal li kieku din il-prova ma' kienetx biżżejjed sabiex turi l-kobor ta' l-Qaddisa Patruna tagħna fi ħdan il-Knisja Kattolika u madwar id-dinja kollha, nhar it-22 ta' Marzu 2002, il-Qdusija tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu II approva li Jum il-25 ta' Novembru - Jum Santa Katarina jerġa' jiddaħħal fl-edizzjoni l-Ġdida tal-Missal Universali Ruman.
Din kienet aħbar sabiħa u nghid il-verita' ftit mistenniha li nistlet ferh li ma' jitfissirx fi qlub iz-Żrieraq devoti ta' Santa Katarina. Din l-aħbar esklussiva ħarġet mill-'Osservatore Romano', Edizione Settimanale n. 13 tad-29 ta' Marzu 2002 f'paġni 11-12. L'Osservatore Romano, li huwa l-ġurnal ufficcjali tal-Vatikan ħabbar li nhar it-22 ta' Marzu 2002, fis-'Sala Stampa' tas-Santa Sede, il-Kardinal Jorge Arturo Medina Estevez, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u għad-Dixxiplina tas-Sagramenti; l-Arcisqof Francesco Pio Tamburrino, Segretarju; Mons. Mario Marini, Sotto-Segretarju; u Patri Anthony Ward S.M. Ufficcju Kap ta' l-istess Kongregazzjoni, ippreżentaw lill-mezzi tal-komunikazzjoni permezz tal-ġurnalisti. L-Editio typica tertia' tal-Missal Ruman, l-edizzjoni l-ġdida tal-Missal Universali Ruman, approvat mill-Qdusija Tieghu nnifsu, il-Papa Ġwanni Pawlu II.
Din l-'Editio typica' tal-ktieb l-aktar importanti fil-Liturgija tal-Knisja hi r-riżultat ta' snin twal ta' ħidma u konsultazzjonijiet. Hi l-edizzjoni uffiċċjali tal-Knisja Kattolika ghaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika bil-latin u li fiha u b'fedelta' kbira lejha l-Konferenzi Episkopali ta' kull pajjiż iridu jirrevedu t-traduzzjonijiet użati bħalissa. Ir-reviżjoni tal-Missal Ruman tradott fil-lingwa tal-post ikollha bżonn imbagħad l-għarfien tas-Santa Sede. Dan il-proċess jiggarantixxi l-unita' fir-Rit Ruman mad-dinja kollha.
F'din l-edizzjoni ġdida u uffiċċjali tal-Missal Ruman wieħed issib talb, quddisiet ġodda tal-Madonna, talbiet ewkaristici għall-quddies tar-rikonċiljazzjoni, tat-tfal u għal diversi ħtiġijiet. Il-Missal Ruman jisħaq fuq il-parteċipazzjoni attiva fil-liturġija u l-ġieh spiritwali tal-poplu Nisrani. Jitkellem ukoll fuq iktar possibilita' li l-poplu jitqarben biż-żewg speci ewkaristici, dejjem skond id-direttivi ta' l-Isqof tal-post. L-edizzjoni l-ġdida tagħti wkoll kriterji għall-inkulturazzjoni liturġika fid-dawl tal-kultura tal-post. Wiehed isib ukoll aċċenn għall-mumenti ta' silenzju fiċ-ċelebrazzjonijiet kif ukoll kwantita' ta' testi mużikali bil-gregorjan.
Fil-Missal Ruman il-ġdid ġew ukoll mdaħħla diversi ċelebrazzjonijiet 'ġodda' tal-qaddisin fosthom ta' l-Isem Imqaddes ta' Gesu (3 ta' Jannar); tal-Vergni Mqaddsa Marija ta' Fatima (13 ta' Mejju); ta' l-Isem Imqaddes ta' Marija (12 ta' Settembru), u ta' ferh kbir għalina ż-Żrieraq, dik tal-Patruna tar-raħal tagħna Santa Katarina ta' Lixandra (25 ta' Nvembru).
Aħna d-devoti ta' Santa Katarina V.M. għandna verament għalfejn inkunu grati lejn il-Qdusija Tieghu il-Papa Ġwanni Pawlu II u nitolbu lil Qaddisa Patruna tagħna sabiex tkompli tagħtih id-dehen u s-sahha li jmexxi l-Knisja Kattolika. Santa Katarina nitolbuk tharisna u taħfer lil dawk kollha li b'xi mod offendewk bi kliemhom u bi xnijat foloz li qalgħu fuqhek.

