Surmast Direttur Mario Testa Dip.Mus in Bb Tuba,F.Mus E.I.H.E.(Hc)
Is-Surmast Mario Testa twieled fl-isptar Santa Katarina Ħ'Attard nhar is-7 ta' Awissu fl-1970, iben Joseph u M'Dolores nee' Bonello t-tnejn minn Ħal-Qormi. Huwa beda l-edukazzjoni tiegħu skolastika għand is-sorijiet ta' Santa Monica, wara attenda Saint Albert il-Belt Valletta u għamel is-sekondarja fis-Saint Michael school tas-Soċjeta' tad-duttrina tal-Museum. Fl-1991 iżżewweġ lil Silvana nee' Camilleri u għandhom tlett it-tfal Rowena, Jean Paul u Giorgio.
Fl-eta żgħira ta' seba snin beda jistudja l-mużika fil-każin San Ġorġ Martri, għal xi raġuni bħal kull tifel ieħor dan ma baqax. Meta kellu għaxar snin reġa beda jattendi għal-lezzjonijiet għand is-surmast Archibald Mizzi dak iż-żmien kien assistent surmast. Nhar il-ħadd 2 ta' Ġunju 1984 Mario Testa ħareġ idoqq għall-ewwel darba mall-Banda San Ġorġ Martri ta' Ħal-Qormi bl-isturment Althorn fil-festa tat-Trinita' Qaddisa ġewwa l-Marsa fejn l-istess l-banda San Ġorg Martri kienet tiġi mistiedna ddoqq għal dik il-festa.
Mario Testa ma waqafx hemm. Tħajjar jibda jistudja t-teorija għand il-professur Charles Zammit ta' Ħal-Luqa, fejn għamel bosta eżamijiet tar-Royal Schools u tal-London College of Music. Fl-1989 daħal membru fil-banda tal-Forzi Armati ta' Malta fejn beda jdoqq il-baxx Si b. Huwa kompla l-istudju fil-prattika għand is-surmast Paul Borg tal-Ħamrun fejn akkwista teknika vasta fl-istess surment. Dan jixhduh surmastrijiet ta' ħafna baned li Mario Testa huwa wieħed mill-aqwa baxxisti ta' pajjiżna. Aktar tard kompla l-istudju tiegħu fl-armonija u l-kontra punt għand is-surmast Ray Sciberras, kompla wkoll javvanza fl-armonija fejn miss ukoll il-fuga. Fl-20 ta' Jannar tas-sena 2000 huwa ġie onorat bid-diploma fil-baxx mill-Universita tal-Euro University for Higher Education ta' Niue, mill-Kanċillier ta' l-Akkademja F.C. Parsons. Fis 26 ta' Lulju tas-sena 2003 huwa reġa ġie Onorat b'Diploma oħra , din id-darba irċeva il-Fellow fil-mużika mill-istess Universita ta' Niue. Fil-preżent huwa jifforma parti mill-Corp of Drums tal-Forżi Armati ta' Malta li nistgħu ngħidu huwa grupp li qiegħed juri l-kapaċitajiet ta' dawn l-istess membri, f'dik li hija teknika fid-daqq tad-drums.
Mro.Mario Testa ħa ħafna esperjenza fid-daqq, ġie mistiden idoqq ma' l-Orkestra ta' Firenze, ħa sehem ma' l-Orkesrta ta' Ateni u ma' l-Orkestra tal-provinċja ta' Milan. ħa sehem ukoll f'divesrsi opri li jiġu mtellgħin f'Għawdex, għamel ħames snin part-timer mal-Orkestra Nazzjonali bħala baxx solista, daqq taħt diversi diretturi kemm Maltin u barranin fosthom mal-Professur Michael Laus, Professur Joseph Vella, Dr Dion Buhagiar u oħrajn. Ħa sehem fl-orotorju Paulus ta' Mendilson ma' direttur Germaniz fil-Konkatidral ta' San Gwann. Ġie mistieden jidderieġi l-banda taż-żgħażagħ minn fost hafna diretturi li applikaw sabiex jidderiegu meta ġie l-mużiċista mondjali Bob Child ġewwa il-Corinthia Hotel Ħ'Attard. Fis-sena 2000 u fl-2002 huwa mar Bremen il-Germanja flimkien mall-banda tal-Forzi Armati ta' Malta għall-Festival tal-Baned Militari. Fl-2003 żar Modena fl-Italja jirraprezenta lil Malta f'Military Tattoo ieħor, fl-2007 flimkien mall-Banda tal-Forzi Armati Ta' Malta attenda festival ġewwa Brussels fil-Belgjum u f'Mejju wkoll attendew Military Tattoo ieħor ġewwa St. Petersburg ir-Russja fejn ħa esperjenza ma' ħafna mużiċisti u diretturi militari madwar id-dinja. F'Lulju ta' l-2008 żar ukoll Ċetona u Montepulciano f'Toscana fejn daqq ma ħames perkussjonisti fosthom professur, żewġ għalliema f'konservatorju u żewġ studenti.
Mario Testa mhux magħruf biss għall-kapaċita' tiegħu fid-daqq tal-baxx imma wkoll naqqax ismu mall-kompożituri Maltin. Issa nistgħu ngħidu li ta' kull sena nisimgħu kompożizzjonijiet tiegħu bħal marċi funebri, marċi brijużi, innijiet ta' baned u anke mużika serja jew klassika fost ħafna arranġamenti li jiġi mitlub jagħmel lill xi kantanti kemm pop kif ukoll klassiċi. Nistgħu ngħidu li anke fid-direzzjoni qiegħed ikollu suċċess wara l-ieħor għall-mod klassiku kif jidderieġi l-programmi mużikali.
Is-surmast Mario Testa kellu bosta responsabbiltajiet ma' diversi baned Maltin. Beda bħala assistent surmast mal-baned tal-Karmnu l-Fgura; Unjoni ta' Ħal-Luqa; Kristu Re Raħal Ġdid; San Ġorġ Martri Ħal-Qormi fejn ukoll waqqaf personalment is-Saint George's Festival Brass Band li ntlaqghat tajjeb ħafna ma' bosta ammiraturi, ta' l-istess Banda San Ġorġ Martri li dam jokkupa l-kariga ta' Surmast Direttur mill-2002 sa ma rrezenja f'Novembru tal-2007; Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq fejn għadu jokkupa din il-kariga sal-lum.
Kien surmast fundatur mal-Banda Kristu Sultan ta' Raħal Ġdid ukoll. Illum huwa surmast direttur mal-baned Santa Marija Ħ'Attard u Marija Reġina tal-Marsa. Fil-prezent is-Surmast Mario Testa huwa għalliem ta' ħafna bandisti, li jressaq ukoll għall-eżamijiet tal-London School of Music u Royal Schools, tant li qiegħed jigi rikonoxxut ma' dawn l-iskejjel għaliex l-istess studenti tiegħu qiegħdin jiksbu rizultati tajbin ħafna fosthom anke distinction li hija waħda mill-għola marki f'dawn l-eżamijiet.