Soċjeta Mużikali Santa Katerina V.M. Żurrieq A.D. 1864
Navigazzjoni Agħfas hawn biex tisma Radju Santa Katarina Kalendarju
Mejju 2023
Tn Tl Er Ħa Ġi Si Ħa
1 2 3 4 5 6 7
8 9 10 11 12 13 14
15 16 17 18 19 20 21
22 23 24 25 26 27 28
29 30 31

Mailing List
Downloads Sancta Catharina - Zurricanorum Patrona Uploadja Ritratti

F'dan is-sit ġdid, issa kulħadd jista' jtella ritratti b'mod vera sempliċi!

Tella ritratti int wkoll!

Santa Katarina tas-Siena u Santa Tereza t' Avila

Il-Qima u l-imĦabba tagĦhom lejn Santa Katarina ta' Lixandra

Minn Fr. John Philip Curmi

Mhumiex ftit il-qaddisin li ħabbew u li kellhom devozzjoni speċjali lejn il-qaddisa tagħna Santa Katarina ta' Lixandra. Fost dawn illum se nitkellmu fuq żewġ qaddisin kbar fl-istorja tal- Knisja: Santa Katarina ta' Siena u Santa Tereza ta' Avila.

 Santa Katarina ta' Siena, terzjarja Dumnikana

 

Santa Katarina ta' SienaImsemmija għal Santa Katarina ta' Lixandra, Katarina twieldet fil-belt ta' Siena fis-sena 1347, it-tlieta u għoxrin waħda f'familja ta' ħamsa u għoxrin wild. Tifla ta' intelliġenza u ta' maturità 'l fuq minn normal. Sa minn ċkunitha kienet tidher  miġbuda ħafna lejn Alla u kienet tfittex il-ġabra għat-talb. Ħajjitha kollha kienet tagħmel penitenzi kbar speċjalment fl-ikel u fl-irqad. Tiekol u torqod mill-inqas u silenzju strett. Tifla ċkejkna kienet tiġbor it-tfal ta' mparha u tkellimhom fuq Gesù.Fl-età ċkejkna ta' sitt snin kellha esperjenza mistika tixbaħ ħafna lil dik ta' Santa Katarina ta' Lixandra u li ħalliet il-marka tagħha fuq il-kumplament ta' ħajjitha. Minn wara l-kampnar tal-knisja ta' San Duminku fi Siena lemħet lil Gesù fil-glorja li ħassitu jgħidilha tkun l-għarusa tiegħu, stedina li Katarina aċċettat bil-ferħa. Ta' xi 18-il sena, kontra x-xewqa t'ommha li riedet iżżewwiġha bilfors, Katarina ġiet aċċettata bħala terzjarja Dumnikana. Fis-skiet ta' kamritha kienet tinġabar fit-talb, titkellem ma' Gesù. L-ikbar turment tagħha kien meta kienet tħoss lil Gesù tant il-bogħod. Fil-fatt meta darba dehrilha lmentat miegħu u qaltlu: 'Fejn kont Sinjur? Kemm fittixtek għalxejn!

Gesù weġibha: 'Kont f'qalbek nitgħaxxaq bik narak tiġri warajja!'

Zwieg Mistiku ta' Santa Katarina ta' Siena fil-prezenza tal-Madonna, Gesu', Santa Katarina ta' Lixandra u qaddisin kbar ohraTa' 20 sena kellha dehra mistika oħra li tikkonferma dik id-dehra ta' meta kellha sitt snin. Din id-darba dehrilha Gesù Redentur, fil-kumpanija tal-Madonna, ta' San Gwann, ta' San Pawl u ta' San Duminku, ilibbisha simbolikament iċ-ċurkett tat-tieġ, sinjal taż-żwieġ mistiku tagħha miegħu. F'din id-dehra mistika Gesù talab lil Katarina toħroġ mill-ġabra ta' kamritha u taqsam mal-bnedmin lim ħabba kbira li kellha lejh.

 

Bil-ħeġġa kollha Katarina ngħatat għall-appostolat tal-Kelma. Mijiet kbar ta' nies minn kullimkien kienu jfittxuha għall-Kelma u għall-parir tagħha, u grazzi lilha ħafna bnedmin reġgħu daru lejn Alla. Meta l-pesta qalila laqtet lil pajjiżha, Katarina meddet ruħha b'riskju kbir għal ħajjitha biex tgħin lill-vittmi tal-pesta fid-djar u fl-isptarijiet.

Imżejna bid-don tal-persważjoni, irnexxielha treġġa' lil Papa Gregorju XI minn Avignon fi Franza lura lejn Ruma. Ħeġġitu jikkoregi u jaqta' l-abbuzi li kienu qed jifnu l-Knisja. Bil-persważjoni tagħha wkoll wasslet 'l Knisja torganizza kruċjata kontra l-misilmin. Ħadmet ukoll biex tintemm xiżma tassew kerha bejn il-Papa Urbanu VI u l-Antipapa taż-żmien. Saħansitra ġiet mistiedna tkellem lill-Kardinali miġbura f'Konċistorju. Bil-persważjoni tagħha wkoll għenet fir-rikonċiljazzjoni ta' diversi stati mifruda fl-Italja tas-seklu 14. Daqshekk kienet mara formidabbli Katarina ta' Siena!

F'ħajjitha Katarina kellha diversi dehriet mistiċi. Spiss kienet tidħol f'ekstasi. Insemmu dik ta' quddiem il-kurċifiss ġewwa l-Knisja ta' Santa Kristina nhar l- 1 t'April 1375 meta rċeviet il-pjagi. Fuq talba tagħha stess ma kenux jidhru minn barra imma hi kienet tarahom u kienet tħoss weġgħat tassew kbar.

Insemmu l-ekstasi ta' l-aħħar snin ta' ħajjitha li fihom iddettat il-Ktieb 'Djalogu m'Alla l-Missier', teżor spiritwali kbir għall-Knisja u li għalih u għat-tagħlim li fih u li fihom il-ħafna ittri tagħha, il-Papa Pawlu VI iddikkjaraha Duttura tal- Knisja nhar l-4 t'Ottubru 1970.

U ġaladarba semmejna l-ittri spiritwali ta' Santa Katarina ta' Siena ma nistgħux ma nsemmux l-ittra li tinteressana lkoll għax issemmi lill-qaddisa patruna tagħna Santa Katarina ta' Lixandra! Hi stmata bħala l-iktar ittra Katerinjana millkollezzjoni kollha u allura l-iktar għaziza u magħrufa. F'din l-ittra Katarina titkellem fuq dehra mistika li fiha rat lil Madonna u 'l Santa Katarina Verġni u Martri. L-ittra ssemmi l-każ ta' certu Niccol˜ di Toldo, aristokratiku peruġin, li kien arrestat u kkundannat għall-mewt għax kien tkellem kontra l-gvern ta' Siena. Siena u Peruġia dak Iż-żmien kienu fi ġwerra bejniethom. Katarina marret iżżuru fil-ħabs. Sabitu ddisprat u bl-ebda mod ma ried iħejji ruħu għall mewt anzi b'dagħa offensiv kien jilqa' lil kull qassis li kien jipprova jersaq lejh. Imżejna bid-deni tal-persważjoni u tal-ħlewwa, Katarina rnexxielha tikkalmah u tippreparah għall-mewt. Qaltlu: 'Tfarraġ ħija għaziz, dalwaqt tasallek il-festa tat-tieġ. Int se tmur maħsul bid-demm ta' l-Iben t'Alla, fl-isem ħelu ta' Gesù, li ma nixtieqek qatt tinsa. Jiena nkun hemm fil-post ta' l-ezekuzzjoni, nistennik'.

U hemm kienet tassew Katarina kif wegħditu. Tgħid Katarina: 'Stennejtu fil-post ta' l-ezekuzzjoni, stennejtu miġbura fit-talb bla waqfien, fil-preżenza tal-Madonna u ta' Santa Katarina Verġni u Martri u tlabthom il-grazzja li Niccol˜ jkollu d-dawl tas-sema u l-paċi tal-qalb fl-aħħar mumenti ta' ħajtu u li narah fi ħdan Alla'. Hekk miet Niccol˜ di Toldo fil-preżenza twajba ta' Katarina mgeżwra fid-dehra smewwija tal-Madonna u ta' Santa Katarina ta' Lixandra.

Santa Katarina ta' Siena mietet fid-19 t'April 1380 fl-eta' żagħżugħa ta' 33 sena, twissi 'l ulied spiritwali tagħha biex igħozzu 'l Knisja u jitolbu għaliha.

 

Santa Tereza ta' Avila, soru Karmelitana skalza

 

Santa Tereza t'AvilaTereza twieldet f'Avila ġewwa Spanja fit-28 ta' Marzu 1515 f'familja ta' 11-il wild minn żewg żwiġijiet tal-missier. Trabbiet fl-imħabba u fil-biza' t'Alla. Ta' seba' snin kienet diġa' tagħti l-karità u kienet tieħu gost taqra l-ħajjiet tal-qaddisin. Kellha xewqa kbira li tmur il-ġenna. Tilfet lil ommha meta kellha biss 13-il sena. Tereza daħlet fi kriżi u nġarret mill-ispirtu tad-dinja.

Ta' 18-il sena daħlet soru karmelitana. Għaddiet mill-krizijiet ebsin tal-mard u tal-bruda spiritwali. Wara din il-krizi ta' snin twal fil-ħajja reliġjuza, il-grazzja t'Alla refgħetha u għenitha ssib lil Gesù. Qalbha saret ħuġġieġa waħda ta' mħabba tremenda għal Gesù. Kellha diversi dehriet mistiċi u bdiet tintilef f'ekstasi fih. Saret tabilhħqq Tereza ta' Gesù.

Fl-aħħar żmien ta' ħajjitha tnisslet f'qalb Tereza wkoll permezz ta' Marija del Ocampo l-idea ta' grupp ta' sorijiet skalzi mogħtija għall-ħajja tat-talb, tas-solitudni u tal-mortifikazzjoni, iħaddnu r-regola primitiva ta' l-ewwel patrijiet karmelitani. Tereza bdiet taħseb biex tibni monasteru ġdid, mingħajr artijiet, flus u renti kif kienet titlob ir-regola oriġinali. U hawn inqalghu l-irwiefen kollha kontriha sahħnsitra l-istess sħaba karmelitani. Iżda Alla kien magħha għax il-monasteru nfetaħ u Tereza flimkien ma' erbgħa oħra daħlu bil-libsa ġdida tagħhom. 'Il-Maesta' tiegħu (Il-Mulej)', sostniet Tereza, 'għazel lili ħażina kemm jien ħażina, bħala għodda tiegħu'. Tereza kellha 47 sena u kienet ilha soru karmelitana 29 sena sħaħ! Mhux biss fetħet dan il-monasteru iżda Tereza ġriet ma' Spanja bħala soru tal-klawsura itineranti tiftaħ monasteri mhux biss għas-sorijiet iżda wkoll għall-patrijiet! Dawn is-sorijiet u dawn il-patrijiet kellhom ikunu in-nies speċjalisti fit-talb, in-nies fidili sal-mewt lejn Gesù, il-Kaptan ta' l-Imħabba. Tant patrijiet karmelitani, uħud fost l-aqwa membri ta' l-Ordni, bdew iħaddnu r-riforma ta' Tereza.Santa Teresa mitlufa f'ekstasi fil-Mulej

Bħal Santa Katarina ta' Lixandra, Tereza t'Avila kellha żwieġ mistiku ma' Gesù u dan f'okkazjoni li kienet qed tirċievi l-Ewkaristija. L-ispiritwalità ta' Tereza hi wahħa tassew profonda. Biżżejjed insemmu fost l-aqwa kitbiet tagħha 'Il-mixja tal-Perfezzjoni', 'Il-Kastell Ġewwieni', 'Fundazzjonijiet u biex ma nsemmux ukoll id-diversi ittri li kitbet.

Semmejna lil Santa Katarina ta' Lixandra. U dan bir-raġun għax ma nistgħux ma nsemmux id-devozzjoni u l-imħabba li kellha din is-soru karmelitana lejn Santa Katarina Verġni u Martri. Nibdew biex ngħidu li fl-ewwel monasteru tagħha tar-riforma ġewwa Avila, Tereza bniet eremitaġġ ddedikat lill-qaddisa tagħna Santa Katarina ta' Lixandra. Tereza kienet tirreferi għall-25 ta' Novembru bħala Jum Santa Katarina. U isem Santa Katarina ta' Lixandra hu fil-lista personali tal-qaddisin li lejhom Tereza kellha devozzjoni speċjali. Din id-devozzjoni speċjali lejn Santa Katarina, Tereza wrietha b'mod ċar fil-poeżija tagħha 'Lil Santa Katarina Martri'.

Lil Santa Katarina martri

O maħbuba kbira
Ta' Alla etern,
kewkba ta' dawl
dejjem ħarisna!

Għadek hekk zgħira,
F'ħegga ta' mħabba
Int tlift kull mistrieħ
Biex Għarus għazilt.
Kull beżżiegħi
'il bogħod minnek jibqa'
jekk dil-ħajja jħobb
u l-mewt irid jaħrab.

Ħarsu, o ġwejjef,
lejn din it-tfajla
li deheb żgur ma tridx
u sbuħija le tfittex.
Tiġġieled il-gwerra
Tal-persekuzzjoni
Biex tbati u tħobb
B'qalb tassew kbira.
Għax, mingħajr dan l-Għarus,
fid-dinja tbatija
Kienet akbar tkunilha:
Serħan żgur li ma ssibx.
Imma l-mewt tixtieqha,
Biex kollox ferħ isirilha,
Għax f'ta' din l-art il-ħajja
Tgħix aktar ma tistax.

Dawk fostna li jfittxu
Bl-hena tagħha jithennew
Qatt ma għandhom jegħjew
Biex serħan f'qalbhom jirbħu.
O qerq li jqarraqna
Meta bla ebda mħabba
Kieku nitfejqu rridu
Waqt li fit-tbatija ngħixu!

  Santa Tereza t'Avila mietet nhar it-3 t'Ottubru 1582 fl-għomor ta' 67 sena b'xewqa enormi fiha li tara lil Gesù: 'fl-aħħar, għarus tiegħi, waslet is-siegħa li niltaqgħu.'

Referenzi:

  • Curtayne, A. - St.Catherine of Siena Devon 1981 Augustine Publishing Co.
  • Sorgia, R - Catherine of Siena Boston 1975 Daughters of St. Paul
  • Busuttil, A.M. - Il-Kitba ta' Santa Tereza ta' Gesù Vol IV 
  • Cruz, J.C. - Mysteries Marvels Miracles in the lives of the Saints Illinois 1997. Tan Books and Publishers
developed by CasaSoft