Soċjeta Mużikali Santa Katerina V.M. Żurrieq A.D. 1864
Navigazzjoni Agħfas hawn biex tisma Radju Santa Katarina Kalendarju
Mejju 2023
Tn Tl Er Ħa Ġi Si Ħa
1 2 3 4 5 6 7
8 9 10 11 12 13 14
15 16 17 18 19 20 21
22 23 24 25 26 27 28
29 30 31

Mailing List
Downloads Sancta Catharina - Zurricanorum Patrona Uploadja Ritratti

F'dan is-sit ġdid, issa kulħadd jista' jtella ritratti b'mod vera sempliċi!

Tella ritratti int wkoll!

SANTA KATARINA V.M. TA’ LIXANDRA.

 

Fost il-qaddisin martri l-aktar antiki u popolari nsibu lill-qaddisa patruna tagħna Santa Katarina ta' Lixandra. Kull 25 ta' Novembru, il-Knisja Kattolika tqimha bil-kliem l-aktar sabiħ u ferrieħi : Nifirħu llum fil-Mulej, aħna u niċċelebraw il-festa ta' Santa Katarina ta' Lixandra, il-verġni qaddisa u glorjuża li sofriet il-martirju biex tħares is-safa ta' xbubitha. Bil-festa tagħha jifirħu l-Anġli u l-Qaddisin tas-sema.

(Daħla tal-quddiesa tal-festa.)

Santa Katarina twieldet f'Lixandra, l-Eġittu, fl-aħħar snin tas-seklu tlieta minn familja nobbli. Ommha, mara Nisranija, rabbietha f'għożża kbira u sa minn ċkunitha għallmitha min hu Ġesu' Kristu u t-tagħlim Qaddis tiegħu. Hija kibret fl-istudju u fl-għerf iżda fuq kollox fl-imħabba lejn Ġesu' u l-Knisja tiegħu. Tant ħabbet lil Ġesu', li meta l-Gvernatur Massiminu ordna f'isem l-Imperatur Ruman Dioklezzjanu biex kull membru ta' l-Imperu jadura l'allat foloz ta' l-Imperu Ruman, Katarina ċaħdet li tagħmel dan u waqqfitlu sewwa. Dan swielha ħajjitha. Dlonk qatgħulha rasha. Dan ġara fis-sena 305 AD, meta Katarina kellha mat-18-il sena!

Dokumenti oħrajn jgħidulna li qabel qatgħulha rasha, Santa Katarina ġiet mitfugħa l-ħabs minn fejn ikkonvertiet lil Fawstina, mart il-Gvernatur Massiminu, u lil diversi suldati fosthom il-kmandant Porfirju. Waqt l-arrest tagħha ġiet imwiegħda ħafna rikkezzi u privileġġi fosthom li tkun mart il-Gvernatur innifsu, basta, naturalment, tiċħad il-fidi nisranija! Fl-isforzi tiegħu biex iġgħelha tabbanduna l-fidi tagħha f'Ġesu', Massiminu ordna diversi għorrief u filosfi biex jipperswaduha tħaddan ir-reliġjon ta' Ruma. Iżda Santa Katarina, imqawwiha bid-don ta' l-Ispirtu s-Santu, iddefendiet lil Ġesu' tant tajjeb li flok  l-għorrief  ikkonvertew lilha, ikkonvertiethom hi għall-fidi Nisranija. Ir-rabja ta' Massiminu, għal darb'oħra tellief, wasslitu mhux biss biex jaħraq lill-filosfi ħajjin iżda wkoll ordna tortura mill-aktar infami biex jeqred lil Santa Katarina. It-tfajla qaddisa tpoġġiet bejn żewġ roti kollha xfafar jaqtgħu li waqt li kellhom iduru kontra xulxin kellhom ukoll ibiċċru l-ġisem tagħha. Dan il-makkinarju kiefer inqered bl-intervent ta' Alla u Santa Katarina ġiet ikkundannata għall-qtugħ ir-ras! Sal-punt tal-mewt Santa Katarina baqgħet leali u fidila lejn Ġesu' Kristu, l-Għarus mistiku tagħha!

 

Mal-mewt tagħha, il-ġisem tal-qaddisa ttieħed lejn il-peninsula tas-Sinaj fejn ġie mgħożż u mħares f'kappella fuq l-ogħla muntanja tas-Sinaj, magħrufa sal-ġurnata ta' llum bl-isem ta' Santa Katarina, Ġebel Katrin.

 

Wara xi sekli, bħala protezzjoni mill-invażuri Musulmani, il-fdalijiet ta' ġisimha tniżżlu fil-Monasteru tal-Patrijiet Ortodossi, mibni fis-sena 527W.K. Dan il-Monasteru, mibni taħt il-Muntanja Sinaj, sar għajn ta' devozzjoni u pellegrinaġġi minn kullimkien tant li tilef l-isem oriġinali tiegħu u ħa l-isem ta' Santa Katarina kif għadu sal-ġurnata tallum.

 

Il-Papa Ġwanni Pawlu II żar dan il-Monasteru ta' Santa Katarina fi Frar tas-sena 2000. Fiż-żjara tiegħu fl-Eġittu l-Papa mhux biss għaraf lil Santa Katarina ta' Lixandra bħala waħda mill-Qaddisin kbar ta' l-Eġittu iżda, fil-Monasteru stess, niżel jitlob għal ħin twil għarkubbtejh quddiem il-fdalijiet tal-Qaddisa u wara qam, qiemhom u bieshom. Ftit sekondi wara, l-Abbati tal-Monasteru, l-Arċisqof Metropolita Damianos, irregala ċurkett ta' tifkira lill-Papa, li qabel ma libsu messu mal-fdalijiet qaddisa ta' Santa Katarina. Sentejn biss wara, fl-2002, bl-awtorita' suprema tal-Papa nnifsu, Santa Katarina V.M. reġgħet sabet postha, kif kien ġust, fil-Kalendarju Universali tal-Qaddisin bħala tifkira fil-ġurnata proprja tagħha tal-25 ta' Novembru.

developed by CasaSoft