Soċjeta Mużikali Santa Katerina V.M. Żurrieq A.D. 1864
Navigazzjoni Agħfas hawn biex tisma Radju Santa Katarina Kalendarju
Ottubru 2023
Tn Tl Er Ħa Ġi Si Ħa
1
2 3 4 5 6 7 8
9 10 11 12 13 14 15
16 17 18 19 20 21 22
23 24 25 26 27 28 29
30 31

Mailing List
Downloads Sancta Catharina - Zurricanorum Patrona Uploadja Ritratti

F'dan is-sit ġdid, issa kulħadd jista' jtella ritratti b'mod vera sempliċi!

Tella ritratti int wkoll!

Qima lil Santa Katarina V.M.

 

Santa Katarina ta' Lixandra u r-rabta titulari tagħha maż-Żurrieq

Tagħrif miġbur mis-Sur Anthony Bonnici - Ex President tas-Soċjeta' Mużikali Santa Katarina V.M.

Il-Knisja taż-Żurrieq għanda bħala titular tagħha lil Santa Katarina Verġni u martri, ta' Lixandra, waħda mill-qaddisin l-iktar popolari fi ħdan il-Knisja. Il-qima lejha tinsab mferrxa mad-dinja kollha. Mill-Universita ta' Cambridge fejn tingħata ġieħ bħala patruna, sad-desert tas-Sinai fejn jinsabu l-fdalijiet tagħha, mill-ibgħad imkejjen tar-Russja sa go l-belt kbira ta' New York, f'kull art jew belt difficli li wieħed ma jiltaqax ma' knisja, kappella, altar jew għall-inqas xbieha tagħha.

Il-Matirjologju Ruman ifakkar din il-qaddisa nhar il-25 ta' Novembru u sa l-1969 f'dik l-istess ġurnata kienet ukoll obbligatorja l-festa tagħha skond il-Kalendarju Ruman Universali. B'ferħ kbir għalina ż-Żrieraq u għad-devoti kollha ta' din il-qaddisa, nhar it-22 ta' Marzu 2002, il-Papa Gwanni Pawlu II reġa' daħħal il-festa ta' Santa Katarina f'nhar il-25 ta' Novembru fl-edizzjoni l-ġdida u uffiċjali tal-Missal Ruman.

Il-knejjes kattolici tar-rit Grieg għadhom iħarsu l-jum tagħha sa llum, filwaqt li l-Ortodossi jicċċelebrawh skond il-Kalendarju ġuljan fit-8 ta' Dicembru. L-Istudjużi l-kbar, l-aktar Joseph Viteau u Giovanni Battista Bronzini, fir-riċerka komparattiva u kritika testwali jaqblu lkoll fuq il-jum tal-martirju bħala l'24-25 ta' Novembru A.D. 305.

Id-drawwa illi kull knisja jkollha titular tagħha jew qaddis patrun tagħha hija antikissima u ġejja minn uzanza pagana, fejn djar, artijiet u raba kienu jissemmew għas-sid jew protettur tagħhom. It-Titular ta' post kien għalhekk garanzija ta' ħarsien u ta' protezzjoni għall-dik il-propjeta'. B'dan l-istess mod, l-ewwel djar privati li bdiet tuża l-knisja għall-laqgħat liturġiċi tagħha bdew iġibu wkoll l-isem tas-sid jew tal-fundatur tagħhom. Aktar tard il-knejjes parrokjali bdew jissemmew għal xi qaddisin bħala titular u protettur tal-post.

Meta nitkellmu fuq qaddis patrun inkunu immissu wkoll terminoloġija antikissima u li matul l-istorja kellha żviluppi mill-iktar interessanti. Fis-sens liturġiku, l-patrun huwa dak il-qaddis li minħabba tradizzjoni jew għażla popolari jkun meqjum mill-kleru u l-poplu ta' post partikolari bħala protettur u interċessur tagħhom quddiem Alla. Iktar tard fl-istorja, il-kelma patrun żdiedetilha wkoll tifsira u sens ieħor kompletament differenti. Ġara li maż-żmien kienet daħlet id-drawwa li min jibni knisja kien jitqies bħala fundatur u patrun tagħha, u b'konsegwenza kien igawdi wkoll ċerti drittijiet u privileġġi marbutin ma' dan il-patrunaġġ. Dawn il-privileġġi taw lok għall-abbuzi serju u pretenzjonijiet. Għalhekk fis-seklu seba', il-liġijiet tal-knisja bdew jinsistu li titular ta' knisja għandu jġib biss isem ta' qaddis jew ta' Misteru tal-fidi, u mhux aktar tal-fundatur jew donatur tal-post.

Ir-rabta ta' Santa Katarina maż-Żurrieq tmur lura sa l-ibghad żminijiet u sa l-istess oriġini tar-raħal bħala paroċċa. Iż-Żurrieq bħala paroċċa jissemma' l-ewwel darba f'lista ta' beneficcji tal-1463 (maghrufa bhala ir-Rollo ta' l-Isqof Senatore de Mello) li tinkludi fost oħrajn id-dħul li kellu l-Kanonku tal-Kattidral Donnus Antonius de Asti minn diversi nħawi, fosthom mill- Cappella di lo Zurrico (parroċċa taż-Żurrieq). Mela fl-1436 il-knisja taż-Żurrieq kienet waħda minn tnax il-cappelle , kelma li fit-terminoloġija ta' dak iż-żmien kienet tfisser paroċċa. Ir-Rollo ta' l-1436 jindika li dak iż-żmien il-paroċċi kienu diġa bdew jiġu ddedikati lil qaddisin. Dan kien japplika wkoll għall-parroċċa taż-Żurrieq.

M'hemmx dubju illi l-kult ta' Santa Katarina u ta' bosta qaddisin oħrajn nieżel Malta mill-Italja t'isfel u Sqallija, bħala riżultat tal-programm ta' kristjanizzazzjoni sistematika tal-gzejjer Maltin, u qrib l-aħħar snin tas-seklu erbatx (1300) stabilixxa ruħu ma' l-oriġini parokkjali tal-kapella taż-Żurrieq. Dan seta' kien riżultat ta' qassisin li fil-bidu kienu jamministraw iż-żona taż-Żurrieq f'isem il-katidral tal-Imdina. Ma' rridux pero' ninsew illi ż-żmien li fih stabilixxa ruħu t-titolu ta' Santa Katarina fiż-Żurrieq kien ukoll iż-żmien meta l-kult tagħha kien stabilixxa ruħu b'mod ta' l-għaġeb ma' l-Ewropa kollha, u kien ukoll għadu kif ġie ntrodott b'mod obbligatorju fil-Kalendarju Ruman mill-Papa Gwanni XXIII (1316-1334).

Kien hemm minn ipprova jġib provi li l-kult ta Santa Katarina f'Malta jmur lura sa qabel ma' tfaċċaw l-Għarab (A.D.870), u dawn saħansitra sostnew it-teorija illi l-inħawi taż-Żurrieq ħassew b'mod speċjali l-influwenza tal-perjodu Biżantin (A.D. 533-870) qabel ma' rifsu hawn l-Għarab.

Iżda l-ewwel dokument li nafu bih li jorbot lill-Santa Katarina bħala patruna tal-paroċċa u titular tal-knisja taż-Żurrieq huwa kuntratt tat-30 ta' April 1506 li kien sar quddiem in-nutar Consalvu Canchur, fejn il-knisja tar-raħal tissemma' bħala capella et parochie Sancte Catherine de lu Zurrico (Knisja parrokkjali ta' Santa Katarina taż-Żurrieq) . F'dan il-kuntratt ċerta Gugliarda, armla ta' Dionisius Manjuni, bil-kunsens ta' wliedna Mikiel u Gorg tat biċċa raba' lill-kappillan Don Petrus Hellul u dan offrielha qabar għall-familja fl-istess knisja parrokjali. Fl-1 ta' Settembru 1513 f'kuntratt ieħor ta' Canchur, l-imgħallem' . . . magister Michael Manjuni ‘ wiegħed li mal-knisja eżistenti taż-Żurrieq kellu jibni' . . . unam arcatam in dicta capella (arkatur oħra f'dik il-kappella), u b'rikompens jingħata wkoll qabar għall-familja fl-istess knisja. Anke f'dan il-kuntratt, għal darba darbtejn, il-knisja hija msejħa ‘.. . capella Sancte Catherine casalis Zurric' (Knisja parrokjali ta' Santa Katarina tar-raħal taż-Żurrieq, u l-istess ħaġa f'kuntratt ieħor ta' Canchur tat-8 ta' Settembru 1519 fejn l-istess ‘ donnus Petrus Hellul tamquam capellanus et rector ecclesie Sancte Catherine di lo Zurico'(Dun Pietru Hellul bħala kappillan u rettur tal-knisja ta' Santa Katarina taż-Żurrieq) joffri wkoll qabar privat lill Matheus de Armanino talli dan ipprovda x-xorok għal xogħol li kien għadu kif sar reċentament fl-istess knisja parrokjali.

Minn dawk iż-żminijiet sa llum, fid-dokumenti uffiċjali, isem il-knisja taż-Żurrieq tista tgħid illi jingħata dejjem bit-titolu ta Santa Katarina miegħu. Hekk per eżempju l-atti tal-viżita pastorali li saru lill-knisja taż-Żurrieq mill-1575 sal-ġurnata tal-lum ħafna drabi jiftħu bil-kelmiet Visitatio Parrochialis Ecclesiae Stae. Catherinae Virginis et Martyris Casalis Zurico (vizita Pastorali lill-Knisja a' Santa Katarina Ver ġ ni w Martri fir-raħal taż-Żurrieq, jew jagħtu d-dedikazzjoni tal-knisja bħala l-ewwel informazzjoni fil-visita. Hekk ngħidu aħna fi Frar 1575 Mons. Pietru Dusina beda biex qal illi l-kappella ta' Casal Zurricani kienet taħt it-titolu ta' Santa Katarina. Il-Protonotarju Appostoliku Mons. Ascanio Libertano, f'Ġunju tal-1585 kiteb li l-knisja taż-Żurrieq kienet iddedikata lil Santa Katarina, u l-Isqof Mons Gargallo f'Novembru 1598 niżżel li Santa Katarina kienet patrona ecclesiae casalis Zurrici (Patruna tal-Knisja fir-raħal taż-Żurrieq). L-isqof Mons. Cagliares isejjaħ lill-knisja bħala ‘ invocatione Sanctae Catherinae Virginis et Martyris(taht it-titolu ta' Santa Katarina Ver ġ ni w Martri) ', L-Isqof Baldassari Cagliares fl-1615 u fl-1630 jirreferi għaliha bħala patrona dictae Parrochialis (patruna ta' dik il-parrocca), u fl-iskrizzjoni li hemm fuq il-qanpiena l-antika, mogħtija lill-knisja taż-Żurrieq fl-1653 mill-aħwa l-kappillan Dun Mattheolo Saliba u ħuħ il-kleriku Blasio, Santa Katarina tissejjaħ Terrae Zurrici Patrona (patruna tal-artijiet taż-Żurrieq). Dan it-terminu huwa wżat ukoll fid-dokument tal-Konsagrazzjoni tal-knisja aktar tard fl-1731. M'hemmx għalfejn ngħidu li l-istemma uffiċjali tal-knisja Arċipretali taż-Żurrieq iġġib ukoll l-arma tal-Qaddisa, is-simbolu tal-martirju tagħha, u l-kliem Sancta Matrix Archipresbyterale Ecclesia Terrae Zurrici (Knisja MatricI w Arċipretali ta' l-Artijiet taż-Żurrieq) , filwaqt li s-siġill tal-paroċċa jġib ix-xbieha tal-istatwa titulari.

Fil-Knisja l-Qadima taż-Żurrieq, Santa Katarina kienet meqjuma fuq l-artar maġġur sagramentali, għaliex din il-knisja qatt ma' kellha kor, anqas wara li żidulha l-kappelluni fl-1575-85. Sa mill-bidu nett fuq dan l-artar maġġur kien hemm ġa kwadru ta' Santa Katarina msemmi fl-inventarju tal-1567 iżda fil-knisja l-qadima, Santa Katarina kellha wkoll altar ieħor fil-ġenb, it-tielet wieħed fuq ix-xellug inti u dieħel. Dan kien twaqqaf mill-familja Mangion u baqa' fil-knisja sal-1618 meta l-Isqof Cagliares neħħa l-għaxar altari zgħar li kien hemm ‘l hawn u ‘l hinn fil-korsija.

Il-Knisja l-ġdida taż-Żurrieq, bħall-qadima ta' qabilha kompliet iġġib ukoll l-istess titolu tal-Verġni Lixandrina, hekk li fis-sena 1658, appena tlesta l-bini. L-Isqof Mons. Balaguer kiteb illi l-knisja parrokjali dedikata lill Santa Katarina kienet ġiet imwaqqa' u mibnija mill-ġdid, fuq stil mill-isbaħ ad unur l-istess qaddisa. ‘dicta ecclesia parrochialis Divae Catharinae. . . dicta, fuit diruta. . et denuo fabricata (L-imsemmija knisja parrokjali dedikata lil Santa Katarina kienet ġiet maħtura u mibnija mill- ġ did). Fuq kollox fid-dokumenti uffiċjali tal-konsagrazzjoni tal-knisja fl-1731 inkiteb li dik il-knisja kienet twaqqat u inbniet mill-ġdid taħt il-ħarsien u ad unur tal-istess qaddisa Patruna, ‘Ecclesia Parocchiali sub titolo Sanctae Catharnae Virginis et Martyris Casalis Zurrico . . . sub cuius ivocatione fundata est dicta ecclesia(Knisja Parrokjali tar-raħal taż-Żurrieq taħt il-ħarsien ta' Santa Katarina Verġni w Martri li taħt isimha twaqqfet dik l-istess knisja).

Dawn is-sentimenti kollha bħala espressjoni tal-patrunaġġ tal-Qaddisa fuq iż-Żurrieq u l-knisja tiegħu ġew imnaqqxin ukoll fil-lapida kommemorattiva (llum mitlufa) li fis-seklu tmintax tqiegħdet fuq il-bieb il-kbir l-antik minn ġewwa biex tfakkar il-konsagrazzjoni tal-1731. Din il-lapida kienet tiftaħ hekk:

Fil-post fejn darba kienet knisja ċkejkna, it-tjieba tal-Kappilla D. Matti Salibau l-poplu, tellgħet u ddedikat dan it-tempju fis-sena 1650 lill-Qaddisa Verġni u Martri l-aktar nobbli Katarina ta' Lixandra li b'għerf u kuraġġ għelbet il-qerq tad-dinja u li mgħallmin mill-esperjenza, missirijietna għażlu bħala protettriċi u difensura (protetricem advocatam)...

Il-bini tal-knisja ma' kienx biss il-frott ta' ż-żelu tal-kappilla bin dan ir-raħal, imma jista' jitqies ukoll bħala li ġab miegħu qawmien ta' devozzjoni lejn Santa Katarina. Mhux ta' b'xejn illi fl-għoli tal-prospettiva tal-kor, fuq il-kwadru titulati ta' Mattia Preti, kienu ġew minquxa l-kelmiet tal-antifona l-qadima: Veni Sponsa Christi Accipe Coronam: 1657 (Ejja għarusa ta' Kristu w'irċievi l-kuruna). Fl-istess post illum nsibu l-vers li jiftaħ l-innu tal-vespri: Catherinae Vox Triumphum (Innu ta' rebħ lill Katarina), xhieda ta' kemm il-knisja taż-Żurrieq hija monument ħaj ta' qima lejha..

(Ħajr lis-sinjuri Anthony Mangion u Karmenu Zerafa talli għoġobom ġentilment jagħtuni l-permess li nipproduci din l-informazzjoni mill-ktieb tagħhom ‘Santa Katarina - Il-Festa u s-Soċjeta' Mużikali Tagħha fiż-Żurrieq. Dan il-ktieb mimli tagħrif imprezzabli huwa propjeta tas-Soċjeta' Mużikali Santa Katarina u jinsab għal bejgħ mill-każin ta' l-istess Soċjeta').

developed by CasaSoft