It-Tlieta, 21 ta' Lulju 2009
Għeżież Membri u Partitarji,
Permezz ta' din l-ittra qed nerġa' nidħol ġewwa djarkom biex insellmilkom u nirringrazzjakom tal-appoġġ kollu li dejjem sibna minn għandkom. Kif tafu, ż-żmien qorob sew, u issa l-preparazzjonijiet għall-festa f'ġieħ il-Patruna tagħna Santa Katarina V.M. jinsabu fil-qofol tagħhom. Ma nistax ma nsemmix b'għożża l-unur kbir li l-Banda Santa Katarina V.M. ġabet magħha minn ġewwa l-Ungerija, propju f'dik li hija s-sitt safra tagħha. B'esekuzzjoni mill-aqwa fl-erba' programmi li saru, pero' bil-qofol ikun dak ġewwa d-Dar Mużikali Joszef Attila ġewwa Dorog l-Ungerija, fejn ingħatajna l-akbar applawsi, kif ukoll preżentazzjoni ta' tifkiriet mill-Viċi Sindku tal-Belt, kif ukoll preżentazzjoni ta' faxxa mal-istandart, kif ukoll Bandalora sabiex titfakkar din l-okkażjoni.
Mistenni wkoll il-ftuħ uffiċjali tal-istudios ta' Radju Santa Katarina, Radju tal-Komunita' li dalwaqt jagħlaq sena jxandar kontinwament. Radju li ta ħafna benefiċċju sew lis-Soċjeta' tagħna, kif ukoll lil raħalna u aktar, speċjalment lil dawk li jsegwu permezz ta' l-internet.
Ma' dawn sar xogħol kbir ieħor fil-każin, li fil-ġranet li ġejjin ser ikollkom iċ-ċans li taraw ukoll il-frott. Is-Sottokumitati, il-mutur tas-Soċjeta', ukoll taw ħafna enerġija biex ix-xogħol kollu ppjanat isir, u ta' dan minn qalbi f'isem il-Kumtitat nirringrazzjakom għall-impenn sinċier tagħkom. Din is-sena ma kinetx nieqsa minn diffikultajiet, pero' żgur li flimkien negħlbu kull ostaklu quddiemna u għalhekk inħeġġeġ biex għall-ġranet ta' matul il-festa nsibu l-koperazzjoni mingħand kulħadd, sew f'dik li hi għajnuna fiżika fejn jidħol armar, tiżjin u kull ħaġa oħra relatata mal-festa, kif ukoll dik finanzjarja.
Propju nhar il-Ħadd li ġej 26 ta' Lulju, ser inkunu qed induru djarkom bieb, bieb, sabiex niġbru dik l-għotja tagħkom b'risq il-Festa tal-Patruna tagħna Santa Katarina V.M. Naf li bħal dejjem ser terġgħu tkunu ġenerużi u minn qalbi nirringrazzjakom bil-quddiem.
Inħeġġiġkom tattendu għall-attivitajiet kollha tas-Soċjeta', fejn issegwu aktar dettalji fuq Radju Santa Katarina li jxandar fuq 90.6FM. Inħeġġeġ ukoll li nuru l-prudenza kollha fil-festa, kif ukoll nuru l-akbar maturita'. Inħeġġeġ biss biex dejjem nuru nteress komuni lejn is-Soċjeta' tagħna u lejn l-għażiża patruna tagħna Santa Katarina V.M.
GRAZZI LIL KULĦADD U GĦAL DARB'OĦRA PROSIT MISTĦOQQA LILL-BANDA SANTA KATARINA V.M.
Joseph Darmanin,
Segretarju.