Il-Gimgha, 10 ta' April 2009
ĠABRA GĦID IL-ĦADD 26 T'APRIL 2009
Għeżież Membri u Partitarji,
Nixtieq permezz ta' din l-ittra f'isem il-President u l-Kumitat tas-Soċjeta' Mużikali Santa Katarina V.M., nerġa' nidħol ġo djarkom u nagħtikom ftit rendikont ta' ħidmet is-Soċjeta'.
Żgur li proġett ewlieni ta' din is-sena kien ir-radju tas-Soċjeta' li jxandar fuq 90.6FM Stereo, pero dan ġab miegħu ħafna xogħol f'dak li jirrigwarda kostruzzjoni, fosthom fil-kamra tad-drapp u anke xogħol fis-Sala tal-Kunċerti. Is-Sala tal-Kumitat ġiet rinovata wkoll, fejn anke inxtrat xi għamara biex jintrefgħu dokumenti tas-Soċjeta'.
Proġett kbir ieħor għal din is-sena hija s-Safra tal-Banda Santa Katarina V.M. ġewwa l-Ungerija, bejn it-12 u d-19 ta' Lulju, wara stedina uffiċjali minn Dar tal-Mużika ġewwa l-Ungerija. Ma' dawn qed isiru ħafna proġetti oħrajn inkluż il-generator, photocopier, u rinvoar ġenerali fil-Każin.
Is-Sotto Kumitati żgur ma baqgħux lura, u kif tistgħu issegwu permezz ta' Radju Santa Katarina u l-website uffiċjali tas-Soċjeta' http://www.stcatherineband.org.mt/ u anke n-Newsletter Sancta Catharina Zurricanorum Patrona, li tasal fi djarkom kull tliet xhur, tistgħu taraw u anke ssegwu l-attivitajiet kollha li s-Sezzjonijiet itellgħu, kif ukoll tistgħu issegwu x-xogħol kbir li qed isir bi tħejjija għall-festa kbira tal-Patruna tagħna Santa Katarina V.M.
Mewġ insibu ħafna, pero nagħmlu dak kollu possibli biex negħlbuh, u naħseb dan żgur tistgħu tarawh fil-ġranet tal-festa.
Biex ittella' dan kollu żgur trid finanzi kbar, u għalhekk minn żmien għal żmien is-Soċjeta' ddur fuq il-ġenerożita' tagħkom għal għajnuna finanzjarja. Nhar il-Ħadd 26 t'April ser issir il-ġabra tal-Għid, u membri mill-Kumitat u mis-Sotto Kumitati ser iduru djarkom bieb bieb biex bħal dejjem tagħtuna dik l-għotja ġeneruża. Infakkarkom ukoll biex min jixtieq iġedded il-menswalita' jew jingħaqad bħala membru ġdid mas-Soċjeta', jista' jagħmel dan dakinhar ukoll, jew inkella javviċina lil xi membru tal-Kumitat.
Minn qalbi f'isem il-President u l-Kumitat nirringrazzjakom u nwiegħdukom li fluskom ikunu qed ninvestuhom fl-aħjar mod possibli f'din l-akbar Soċjeta' ġewwa raħalna, li inti żgur kburi li tagħmel parti minnha. GRAZZI TAL-GĦOTJA TIEGĦEK. VIVA SANTA KATARINA V.M.
Dejjem tiegħek,
Joseph Darmanin,
Segretarju.
Soċjeta' Mużikali Santa Katarina V.M.