It-Tlieta, 1 ta' Settembru 2020
Fid-dawl taċ-ċirkustanzi li kienu qed jiżviluppaw, fuq il-medja soċjali kif ukoll fuq l-aħbarijiet, dwar l-armar tal-Knisja għall-Festa ta' Santa Katarina V.M., il-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. jixtieq jippreċiża illi:-
- Il-Kumitat u r-rappreżentanti tas-Soċjetà fil-Kumitat tal-Festa qatt ma qablu mal-mod li bih kienet ser tintrama l-Knisja għall-Festa ta' Santa Katarina tas-sena 2020.
- Il-Kumitat u r-rappreżentanti tas-Soċjetà fil-Kumitat tal-Festa qatt ma kienu parti mid-deċiżjoni li ttieħdet għal mod li bih kienet ser tintrama l-Knisja.
- Il-Kumitat tas-Soċjetà jibqa' jħeġġeġ lill-voluntiera biex jgħinu fl-armar intern tal-Festa ta' Santa Katarina V.M. u ta' dan jirringrazzjahom.
Il-President u l-Kumitat tas-Soċjetà iħabbru li llum 31 t'Awwissu 2020, l-Arċipriet sejjaħ laqgħa mal-President u mas-Segretarju tas-Soċjetà fejn ġejna mgħarrfa illi:-
- Iż-żewġ linef il-kbar ‘tal-Bohemia' ser ikunu qed jintramaw
- Il-Vara ta' Santa Katarina V.M. ser titpoġġa fuq il-bradella l-prima għall-qima tad-devoti
- Il-Koppla tal-Knisja ser tkun qed tinxtgħel ukoll għall-Festa Titulari ta' din is-sena.
Il-President u l-Kumitat tas-Soċjetà jixtiequ jirringrazzjaw lid-diriġenti tal-Kurja Arċiveskovili għall-intervent tagħhom kif ukoll lill-Arċipriet Mons. Karm Mercieca li kien disponibli għal diskussjoni biex din is-sitwazzjoni ġiet solvuta.
Il-President u l-Kumitat tas-Soċjetà jirringrazzjaw ukoll lil dawk kollha li semmgħu leħinhom biex is-suġġerimenti tas-Soċjetà setgħu jiġu milqugħa.
Inħeġġu lil kulħadd biex niċċelebraw il-Festa ta' Santa Katarina V.M. kif xieraq u nħeġġu biex jiġu osservati l-miżuri maħruġa mill-Awtoritajiet kompetenti b'mod speċjali dak li jirrigwardja d-distanza soċjali.
Kevin Schembri
Segretarju