L-Erbgha, 10 ta' Lulju 2013
Għeżież membri u partitarji tas-Soċjeta' Mużikali Santa Katarina V.M.,
Iż-żmien li se jwassalna lejn il-Festa Titulari issa qiegħed fuq l-għatba tal-bieb tagħna. Bħal dan iż-żmien xahar, inkunu diġa bdejna narmaw it-toroq għal din il-Festa li aħna għandna tant għal qalbna.
Kif tafu l-ispejjeż biex torganizza Festa Kbira u kompluta bħalma nafu nagħmlu aħna huma ferm kbar. Il-Kumitat hu kommess li anke din is-sena nerġgħu nagħmlu Festa Kbira mimlija b'affarijiet innovattivi.
Fil-fatt il-Kumitat flimkien mas-Sotto Kumitati jqattgħu sena sħiħa jistinkaw biex flimkien jorganizzaw attivitajiet ta' fund raising biex inwettqu dak kollu li nkunu pjanajna matul is-sena kif ukoll biex naqdu l-ħtiġijiet kollha tas-Soċjeta'.
Barra l-ispejjeż relatati mal-Festa, din is-sena qed isiru diversi proġetti kapitali b'mod speċjali fil-Każin tagħna. Għaldaqstant l-ispejjeż huma akbar mis-soltu.
Għalhekk, issa reġa' wasal iż-żmien li nduru fuq il-ġenerożita' tagħkom il-membri. Aħna nafu li intom qegħdin warajna, u dan jagħmel kuraġġ kbir lill-Kumitat biex ikompli jwettaq il-ħidma tiegħu. Bħalma għamilna s-sena li għaddiet, ħsibna biex il-ġabra li ssir is-soltu fiż-żmien ta' Lulju nifirxuha fuq aktar jiem.
Fil-fatt, il-ħsieb hu biex bejn nhar it-Tnejn 15 ta' Lulju u l-Ġimgħa 19 ta' Lulju 2013, bejn is-6.00p.m. u t-8.00p.m. kif ukoll il-Ħadd 21 ta' Lulju 2013 bejn it-8.30a.m. u nofsinhar, membri tas-Soċjeta' se jkunu qed iżurukom biex issir il-ġabra ta' dan iż-żmien.
Aħna nixtiequ li niltaqgħu mal-maġġoranza tagħkom. Nixtiequ li jkollna aktar ċans li nilħqukom u nitkellmu magħkom. Kien għal dan il-għan li din il-ġabra erġajna frixniha fuq diversi jiem.
Nixtieq li nieħu l-okkażjoni biex inħeġġiġkom tkomplu tkunu aktar qrib tas-Soċjeta' b'mod speċjali permezz ta' Radju Santa Katarina li jxandar is-sena kollha fuq il-frekwenza ta' 90.6
Filwaqt li f'isem il-President, il-Kumitat u s-Sotto Kumitati nirringrazzjakom tal-ġenerożita' li intom dejjem urejtuna, nibgħat inselli għalikom u nwegħdukom li din is-Soċjeta' se tkompli taħdem biex tara l-Festa ta' Santa Katarina V.M. tkompli tkun magħrufa bħala l-Aqwa Festa.
Dejjem tagħkom
Kevin Schembri
Segretarju