Soċjeta Mużikali Santa Katerina V.M. Żurrieq A.D. 1864
Navigazzjoni Agħfas hawn biex tisma Radju Santa Katarina Kalendarju
Mejju 2023
Tn Tl Er Ħa Ġi Si Ħa
1 2 3 4 5 6 7
8 9 10 11 12 13 14
15 16 17 18 19 20 21
22 23 24 25 26 27 28
29 30 31

Mailing List
Downloads Sancta Catharina - Zurricanorum Patrona Uploadja Ritratti

F'dan is-sit ġdid, issa kulħadd jista' jtella ritratti b'mod vera sempliċi!

Tella ritratti int wkoll!

Tifkiriet tal-Ħames safra u tal-Banda St. Katarina V.M.

Tifkiriet tal-ħames safra tal-banda Santa Katarina V.M. u l-ewwel ġemellaġġ mużikali fiż-Żurrieq

 

Minbarra li s-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. hija l-ewwel soċjetà mużikali fiż-Żurrieq, nistgħu ngħidu bla tlaqlieq li l-Banda Santa Katarina V.M. hija l-aktar waħda progressiva u innovattiva. Insemmu li kienet il-banda Santa Katarina V.M. fl-1954 li, għall-ewwel darba fl-istorja taż- Żurrieq, marret iddoqq il-bogħod minn xtutna. Fis-safra tas-sena 2004 ġewwa Lucca il-Banda Santa Katarina V.M. kabbret in-numru ta' servizzi tagħha barra minn Malta għal ħamsa. Kienet ukoll il-Banda Santa Katarina li introduċiet il-planċieri artistiċi kif qed naraw f'dawn is-snin, meta 1956 żażznet il-planċier tagħha. Wara kienu diversi baned oħra ġewwa Malta li ppruvaw jikkupjaw dan il-planċier. FIs-sena 2004, eżattament fl-okkażjoni tal-140 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M., il-Banda Santa Katarina kitbet pagna oħra fl-istorja glorjuza tagħha meta għall-ewwel darba għamlet ġemellaġġ mużikali ma' banda barranija.

Diġà kellna l-okkażjoni nippublikaw fid-dettal l-ewwel parti tal-Ġemellagg Mużikali li l- Banda Santa Katarina V.M. għamlet ma' La Filarmonica P. Mascagni ta' Camporgiano, provinċja ta' Lucca. Fil-programm tal-festa 2004 ippublikajna wkoll diversi ritratti li jiddokumentaw dan l-avveniment importani għall-Banda Santa Katarina V.M. F'dan l-artiklu se nsegwu pass pass it-tieni parti tal-ġemellaġġ mużikali sa mill-wasla tal-banda Taljana fiż- Żurrieq.

Nhar il-Ħamis 2 ta' Settembru 2004 Radju Santa Katarina, li jxandar fi żmien il-festa, kien mezz ta' komunikazzjoni mportanti ħafna għax permezz tiegħu il-membri u partitarji setgħu jibqgħu aġġornati ma' dak kollu li kien qed jiġri b'kollegament dirett mill-Port il- Kbir fejn wasal il-kontingent Taljan. Malajr ġriet l-aħbar tal-wasla tal-banda Taljana u fi ftit minuti Misraħ Repubblika mtella' bin-nies. Il-kontinġent Taljan ġie akkumpanjat bil-bnadar ta' Malta u ta' l-Italja minn fejn il-venda tal-karozzi tal-linja sa Misraħ Repubblika. Hemm sabu merħba kbira u emozzjonanti li trid tkun preżenti sabiex tapprezza sewwa.

Minn quddiem il-każin il-Banda Santa Katarina V.M. tat merħba lil Banda Taljana b'daqq ta' innijiet u marċi brijjużi u b'hekk irreċiprokat il-laqgħa sabiħa li saret ġewwa Camporgiano mal-wasla tal-Banda Maltija. Il-partitarji preżenti infexxew f'dillirju ta' ferħ u laqgħu lit-Taljani b'ċapċip u tixjir ta' bnadar, filwaqt li minn fuq il-kazin intefgħu xita ta' karti ikkuluriti u inħarqet il-musketterija. Id-diriġenti taż-żewg baned laqgħu lil xulxin b'tgħanniq li wera l-ħbiberija li kienet nibtet f'dan il-ġemellaġġ. L-istess għamlu dawk li kienu mall-banda ġewwa l-Italja u li kienu saru jafu sewwa lit-Taljani. Wara l-kontinġent Taljan ġie moghti merhba ġewwa Palazz Alexandria fejn ġew ukoll imdawwra mal-każin.

L-appuntament issa kien għal fil-għaxija fejn kien mistenni l- Programm Mużikali tat-Tieni Tridu, li bil-parteċipazzjoni ta' La Filarmonica P. Mascagni, din is-sena kellu jkun spettaklu akbar mis-soltu. U dan twettaq verament għax il-banda Taljana kienet ta' attrazzjoni kbira li kompliet għenet sabiex l-attendenza kompliet tikber.

Filwaqt li La Filarmonica P. Mascagni bdiet il-marċ tagħha minn Triq il- Kbira, l-Banda Santa Katarina V.M. ħadet postha fuq il-planċier. Id-dħul tal-banda Taljana ġewwa Misraħ Repubblika kien wieħed li paxxa lil kulħadd. Dawk kollha preżenti setgħu jammiraw il-melodija sabiħa ta' din il-banda u fuq kollox il-pass meqjus u ezatt li bih jimxu. Fost ċapċip u għajjat tal-folla kbira li ħonqot kull rokna ta' Misraħ Repubblika u fil-preżenza ta' l-għola personaġġi taż-Żurrieq, kif ukoll dik speċjali ta' l-Ambaxxatur Taljan, La Filarmonica P. Mascagni ħadet postha quddiem il-Planċier minn fejn esegwiet l-Innu Nazzjonali Malti.

Il-Banda Santa Katarina irrispondiet bid-daqq ta' l-Innu Taljan u wara esegwiet l-Innu taż-Żurrieq. La Filarmonica P. Mascagni temmet is-sehem tagħha f'dan il-programm bid-daqq ta' l-Innu ta' Camporgiano li tkanta wkoll mill-istess bandisti Taljani fost iċ-ċapċip u t-tifhir ta' dawk preżenti.

Minn hawn il-quddiem il- Programm Mużikali tat-Tieni Tridu kompla mill-Banda Santa Katarina V.M. fuq il-linji tradizzjonali, iżda fl-intervall sar diskors ta' l-okkazjoni bit-taljan mill-President Anthony Bonnici. Il-President sellem lid-diriġenti u l-musiċisti ta' La Filarmonica P. Mascagni u lill-kontinġent Taljan kollu u irringrazzjhom ta' l-ospitalità li wrew meta l-Banda Santa Katarina V.M. marret l-Italja. Hu sellem ukoll lill-Ambaxxatur Taljan u rringrazzjah talli laqa' l-istedina tas- Soċjetà. Wara iż-żewg Presidenti, jiġifieri Anthony Bonnici f'isem is- Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. u Gian Paolo Telloli f'isem La Filarmonica P. Mascagni rregalaw bandalora lil xulxin li tfakkar dan il-ġemellaġġ. Il-President Telloli ukoll ħa din l-okkazjoni sabiex indirizza lill-folla preżenti.

Id-direttur spiritwali tas-Soċjetà Fr. Albert Schembri bierek il-bandalori, l-istandart u l-bandiera bl-arma tas-Soċjetà li rregalaw partitarji minn Bubaqra.

L-għada l-Ġimgħa 3 ta' Settembru 2004 l-appuntament taż-żewg baned ġemellati kien fil-Belt Valletta. Dan kien appuntament importanti ħafna għax permezz tiegħu l-ġemellaġġ ħa xejra nazzjonali. Għal ħabta ta' l-10.00 ta' fil-għodu, ż-żewg baned għamlu marċ fi Triq ir-Repubblika. L-ewwel imxiet il- Banda Santa Katarina V.M. li daqqet marċi tradizzjonali u popolari Maltin u wara segwiet La Filarmonica P. Mascagni li paxxiet il-pubbliku preżenti bil-melodiji tagħha u għal darba oħra ġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku bil-pass sabiħ li jimmarċjaw dawn il-muziċisti.

Il-Belt Valletta kienet vetrina mill-isbaħ għal din l-okkażjoni għax għal dan l-ispettaklu assistew mhux biss il-membri u l-partitarju Żrieraq li niżlu apposta għall-okkażjoni, iżda wkoll eluf ta' Maltin u turisti li nzertaw fil-belt kapitali ta' pajjiżna. Il-qofol ta' dan l-avveniment kien per l-istedina li ż-żewg baned kellhom mill-Aġent President ta' Malta fil-Palazz. Għal din l-okkazjoni ingħaqad mad-diriġenti tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. s-Sindku Ignatius Farrugia.

Hekk kif iż-żewg baned waslu taħt il-gallerija ewlenija tal-Palazz Presidenzjali, l-Agent President Dr. George Hyzler, flimkien maż- żewg Presidenti tal-baned ġemellati, u l-President Onorarju David Zerafa, li kien strumentali fl-arranġamenti fl-uffiċju tal-President, ħarġu jsellmu lil dawk preżenti. F'dan il-mument iż-żewg baned taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Francis Falzon esegwew l-Innu Nazzjonali Malti.

Wara din iċ-ċerimonja il-kumitat taż-żewg baned kienu ospitati mill-Aġent President fis-sala ta' l-ambaxxaturi. Dan kien l-għola unur li setgħet tingħata s-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. fl-okkażjoni tal-140 sena mit-twaqqif tagħha. Bla dubju dan l-unur ikompli jkabbar u jsebbaħ l-isem tal-Banda Santa Katarina V.M. Waqt din l-okkażjoni l-Aġent President kien akkoljenti ħafna u tkellem fit-tul maż-żewġ delegazzjonijiet. Sabiex din l-okkażjoni tibqa' mfakkra, ingħataw diversi tifkiriet lill-Aġent President u ttieħdu ritratti kommemorattivi. Waqt li d-delegazzjonijiet taż-żewġ baned kienu fil-palazz, iż-żewġ baned ħadu ritratti flimkien ta' din l-okkazjoni fil-bitħa tal- Palazz.

Kif intemmet iż-żjara fil-Belt Valletta u fil-Palazz Presidenzjali, il-grupp kollu Taljan kien mistieden għall-ikel ġewwa lukanda f'Bugibba. In-nofs ta' nhar ta' fil-għaxija kien liberu għat-Taljani li xorta waħda reggħu telgħu ż-Żurrieq biex jassistu għall-marċ tal-Ġimgħa. Is-sibt 4 ta' Settembru 2004 ġew organizzati xi eskursjonijiet f'postijiet ta' interess u għal ħabta tas-siegħa ta' wara nofs inhar il-Grupp Taljan reġa' wasal iż-Żurrieq sabiex jassisti għall-għeluq tal-marċ ta' filgħodu. Huma lkoll kellhom kliem ta' tifhir għall-briju spettakulari u kkulurit li ddeskrivewh bħala xi ħaga unika.

Is-Sibt fil-għaxija kien imiss li La Filarmonica P. Mascagni tagħmel il-programm mużikali tagħha fuq il-Plancċer Artistiku. Kif il-banda Taljana waslet iż- Żurrieq, dawn mill-ewwel ġibdu l-attenzjoni tal-pubbliku numeruż bl-uniformi attrajenti tagħhom u kif għidna qabel għall-pass meqjus u sabiħ li biħ jimxu jew jimmarċjaw.

Qabel beda l-programm kellna stedina mis-Sindku u l-Kunsilliera taż-Żurrieq. B'hekk il-Banda Taljana ġiet ospitatà fil-Kunsill Lokali bħalma kien ġara meta l-Banda Santa Katarina V.M. marret ġewwa Camporgiano. Hawn is-Sindku Ignatius Farrugia rregala tifkiriet ta' l-okkazjoni lill- President Gian Paolo Telloli.

Minkejja li waqt il-programm mużikali ta' La Filarmonica P. Mascagni kien qed jinħaraq in-nar ta' lejlet il-festa u li s-soltu jkun l-attenzjoni prinċipali, nistgħu ngħidu li Misraħ Repubblika kien mimli bin-nies li assistew għal din l-esekuzzjoni. Il-Banda Taljana taħt id-direzzjoni ta' Mro. Giulio Luccarini daqqet mużika moderna b'arranġamenti għall-banda ta' l-istess Surmast direttur.

Fl-aħħar tal-programm Mro. Luccarini faħħar il-Banda Santa Katarina V.M. u l-festa kbira li ssir fiż-Żurrieq. Huwa rringrazzja lil kulħadd tal-koperazzjoni u l-ospitalità u awgura xewqat sbieħ għall-kumplament tal-festa.

Hekk kif spiċċa l-kunċert mużikali ta' La Filarmonica P. Mascagni fil-każin sar l-iffirmar taċ-ċertifikat tal- Ġemellaġġ bejn iż-żewg baned. Għas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V. M. iffirmaw il-President Anthony Bonnici u s-Surmast Francis Falzon filwaqt li f'isem La Filarmonica P. Mascagni ffirmaw il-President Gian Paolo Telloli u Mro. Giulio Luccarini. Lejlet il-festa u l-impenn ta' La Filarminica P. Mascagni fil-festa ta' Santa Katarina V.M. ġie fi tmiemu b'marċ minn Triq il-Kbira sa Misraħ Mattia Preti flimkien mal-banda l-oħra mistiedna, jiġifieri il-Banda Sant' Elena ta' Birkirkara.

Għalkemm il-banda Taljana ma kinetx impenjata f'nhar il-festa, kien ta' sodisfazjon għalina li l-grupp kollu assista għall- ħruġ u d-dħul ta' l-istatwa ta' Santa Katarina. B'hekk setgħu jgawdu l-festa kollha bid-dħul grandjuż akkumpanjat minn spettaklu ta' logħob tan-nar li kull sena jsebbaħ tmiem il-festa tal-Patruna taż-Żurrieq Santa Katarina ta' Lixandra Verġni u Martri.

B'sodisfazzjon ninnutaw, li sena wara, baned oħrajn Maltin għoġobhom jikkupjaw parti minn din l-inazjattiva u daħlu jdoqqu l-Belt bi stedina fil-Palazz Presidenzjali bħala parti miċ-ċelebrazjoni tal-140 sena mit-twaqqif tagħhom.

developed by CasaSoft