Għeluq taċ-Ċentinarju
L-Eċċellenza tiegħu Mons. Giovanni Martellini O.F.M., isqof ta' Tripli fil-festa ta' Santa Katarina V.M. - Sena Centinarja 2005
Fl-okkażjoni ta’ l-1700 sena tal-Martirju ta’ Santa Katarina V.M., l-Arċipriet flimkien mal-Kumitat taċ-Ċentinarju, stiednu lill-Eċċ. Tiegħu Mons Giovanni Martinelli O.F.M. Isqof ta’ Tripli.
Nhar is-Sibt 3 ta’ Settembru 2005, lejlet il-Festa Titulari, l-Isqof ta’ Tripli mexxa t-Translażżjoni solenni mill-Kappella ta’ San Gakbu sal-Knisja Matriċi u Arċipretali ta’ Santa Katarina V.M. Ħadu sehem il-Kleru tal-Parroċċa u r-Rev.mu Kapitlu tal-Kolleġġjata Arċipretali tal-Viżitazzjoni tal-Verġni Marija ta’ l-Għarb, Għawdex. Fl-okkażjoni tal-festa Ċentinarja, ħadu sehem il-
fratelli tas-Sagrament taż-Żejtun flimkien mal-Fratelli tas-Sagrament u tal-Qalb ta’ Gesù taż-Żurrieq, li kienu għamlu dan il-ġest sabiħ fil-festa ta’ Santa Katarina li ġiet iċċelebrata f’Ġunju fiż-Żejtun. Mons. Isqof kien ukoll iċ-ċelebrant ewlieni għall-Primi Vespri Pontifikali u ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
F’jum il-festa, nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru 2005, il-Banda Santa Katarina V.M. wasslet lill-Mons. Isqof minn Triq Dun Guzepp Zammit sad-Dar Parrokkjali fejn ippresieda waqt il-Quddiesa Pontifikali. Il-Wisq Rev. Ewkaristiku Sultana niseġ kuruna ta’ tifhir lil Santa Katarina V.M.
Fi tmiem il-Quddiesa Pontifikali, li għaliha attendiet folla kbira ta’ nies, Mons. Isqof Martinelli u l-Membri tal-Kleru ġew mistiedna fil-Każin tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. Waqt iż-żjara tiegħu fil-Każin, l-Isqof ta’ Tripli l-ewwel kixef lapida fit-taraġ tal-Każin li tfakkar l-1700 sena mill-Martirju ta’ Santa Katarina V.M. u wara bierek il-Bandalora taċ-Ċentinarju, li ġiet irregalata mill-Kav. Alfred Borg waqt il-programm vokali u strumentali tat-Tieni Jum tat-Tridu. Is-Sur Jeremy Cachia ddisinja din il-bandlora li saret b’inizjattiva tas-Sur Charles Camilleri.
Ix-xogħol sar minn zewg żgħażagħ minn Arequipa fil-Perù: il-ħjata u r-rakkmu mis-Sur Jimy Gonzales Aguirre u l-pittura ta’ Santa Katarina mis-Sur Raul Yanqui.
Waqt iż-żjara ta’ l-Isqof Martinelli fil-Każn, il-President tas-Soċjetà, s-Sur Anthony Bonnici għamel diskors ta’ merħba bit-Taljan.
Huwa qal li l-Isqof Martinelli jidħol fil-lista twila ta’ personaġġi importanti li żaru l-Każin tas-Soċjetà. Wara wieġeb l-Isqof ta’ Tripli li wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-merħba kbira li ngħata fiż-Żurrieq u qal li meta ġie mistieden qatt ma kien jimmaġina li kien ser imexxi funzjonijiet u festa hekk solenni.
Fi tmiem id-diskorsi, il-President tas-Soċjetà ippreżenta tifkiriet lill-Mons. Isqof Martinelli.