Soċjeta Mużikali Santa Katerina V.M. Żurrieq A.D. 1864
Navigazzjoni Agħfas hawn biex tisma Radju Santa Katarina Kalendarju
Settembru 2010
Tn Tl Er Ħa Ġi Si Ħa
1 2 3 4 5
6 7 8 9 10 11 12
13 14 15 16 17 18 19
20 21 22 23 24 25 26
27 28 29 30

Mailing List
Downloads Sancta Catharina - Zurricanorum Patrona Uploadja Ritratti

F'dan is-sit ġdid, issa kulħadd jista' jtella ritratti b'mod vera sempliċi!

Tella ritratti int wkoll!

Ass. Surmast Josef Grech

 

Ass. Surmast Josef GrechJosef Grech twieled iż-Żurrieq nhar il-31 ta' Diċembru 1985 minn Catherine nee' Falzon u John Grech. Huwa ġie mgħammed fil-Parroċċa ta' Santa Katarina V.M. fid-9 ta' Frar 1986 mir-Reverendu Kanonku Dun Ġużepp Portelli, u mogħti l-ismijiet ta' Josef u Jonathan. Fi tfulitu, Josef kien jattendi il-MUSEUM għat-tagħlim tad-duttrina u kien ukoll iservi ta' abbati fil-Parroċċa taż-Żurrieq u fil-Kappella ta' Santa Marija ta' Bubaqra, fejn illum il-ġurnata huwa wkoll is-Segretarju tal-Kumitat Responsabbli minn din iż-żona. Huwa kien jattendi l-Iskola Primarja ta' raħal twelidu, l-iskola sekondarja fis-Seminarju ta' l-Arċisqof tal-Virtu r-Rabat, il-Junior College u għal xi żmien ukoll l-Universita ta' Malta. Fil-preżent Josef jaħdem bħala skrivan fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (l-ETC) Halfar, fid-dipartiment tal-permessi tax-xogħol.

 

Josef beda l-ewwel studju mużikali tiegħu fl-1992 fl-eta' żgħira ta' 7 snin, fil-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M. għand is-Surmast u għalliem tal-alljievi Mro. Francis Falzon L.(Mus)L.C.M., L.R.S.M. Fl-1995 huwa beda jdoqq il-klarinett mal-Banda Santa Katarina V.M. Minn dakinhar il-quddiem huwa qatt ma ħares lura u baqa jattendi b'mod regolari għall-lezzjonijiet tal-banda għand is-Surmast Francis Falzon, u għall-kunċerti u s-servizzi kollha li jkollha l-Banda Santa Katarina. Aktar ma beda għaddej iż-żmien Josef kompla dejjem jipperfezzjona l-istudji mużikali tiegħu.

 

Tant hu hekk li fis-sena 2004 huwa beda studji aktar avvanzati fl-istrument tant għal qalbu iġifieri l-klarinett għand wieħed mill-aqwa klarinettisti f'Malta fil-preżent is-Sur Christopher Camilleri ALCM LLCM ATCL LRSM minn Ħal-Luqa. F'qasir żmien huwa għadda mill-gradi ta' l-eżamijiet kollha fil-Clarinet Music Performance kemm mill-Board tat-Trinity College of London u anke mill-Associated Board of The Royal Schools of Music. Huwa irnexxielu jgħaddi mill-gradi kollha bl-ogħla unuri ta' Distinction. Fil-preżent Josef qiegħed jipprepara biex jagħmel l-ewwel żewġ diplomi tiegħu fil-klarinett iġifieri l-ATCL u d-DipABRSM.

 

Fis-sena 2004 wkoll huwa beda jieħu l-ewwel lezzjonijiet tat-teorija tal-mużika għand is-Sur Marvin Zammit miż-Żurrieq u issa fil-mument qed ikompli studji aktar avvanzati għand is-Surmast Raymond Sciberras FLCM. Bħalissa qiegħed jipprepara biex jagħmel il-Grade 8 fit-teorija tal-mużika tal-London College of Music.

 

Nistgħu ngħidu li Josef huwa wieħed mill-aktar klarinettisti żgħażagħ promettenti f'Malta. Dan jixhdu mhux biss il-kwalifiki li huwa irnexxielu jġib s'issa iżda wkoll dawk il-mumenti fejn huwa daqq bħala solista mal-banda. Tajjeb ngħidu li Josef daqq bħala solista għall-ewwel darba fis-sena 2004 fil-Ġemellaġġ mużikali tal-banda ġewwa Lucca l-Italja u mbagħad fil-programm tal-festa ta' dik l-istess sena. Dakinhar huwa daqq il-Czardas ta' Vittorio Monti, fejn din intlaqgħet b'ċapċip kbir minn dawk kollha preżenti. Huwa daqq ukoll f'diversi okkażjonijiet fi swali bħala solista akkumpanjat bil-pjanu. Fil-preżent huwa jdoqq ukoll ma' diversi baned lokali fosthom mall-Banda Ċittadina King's Own tal-Belt Valletta.

 

Kien proprju f'Settembru ta' l-2007 li Josef ġie inkarigat mill-Kumitat tas-Soċjeta Mużikali Santa Katarina V.M. biex jieħu f'idejh it-tagħlim ta' l-alljievi fis-sezzjoni ta' l-injam, fin-nuqqas tas-Surmast Francis Falzon li sfortunatament kellu jirtira minħabba l-kundizzjoni ta' saħħtu. Din kienet esperjenza ġdida għal Josef li ġiet bħal sajjetta fil-bnazzi. Pero bil-għajnuna ta' l-Assistent Surmast Mario Testa u tas-Soċjeta huwa irnexxielu jkompli fejn ħalla s-Surmast Falzon u b'dedikazzjoni kbira kompla jgħallem lill-alljievi tas-soċjeta, fejn għadu jagħmel dan sal-llum il-ġurnata. Fis-sena 2005 huwa ġie magħżul ukoll is-Segretarju tas-Sotto Kumitat tal-Banda.

 

Ġurnata kerha għas-Soċjeta u speċjalment għal Josef kienet il-ġurnata tal-Ħadd 26 ta' Ottubru 2008, fejn tħabbret il-mewt tal-maħbub Surmast tal-Banda Santa Katarina il-Mro. Francis Falzon. Bniedem li għallem u inkoraġixxa lil Josef biex ikompli jistudja u jżomm fil-għoli isem il-Banda li kienet tant għal qalbu. Anke fiż-żmien meta kien marid id-dar, Josef kien ta' sikwit imur iżur lis-Surmast Falzon biex jurih bl-andament tat-tagħlim ta' l-alljievi li hu kellu jħalli ħabta u sabta.

 

Wara l-mewt tas-Surmast Falzon, u l-ħatra ta' Mro. Mario Testa Dip.Mus in Bb Tuba F.Mus E.I.H.E.(Hc) bħala s-Surmast il-ġdid tal-Banda Santa Katarina, ġie vakant il-post ta' Assistent Surmast ta' din l-istess Banda. Kien għalhekk li nhar il-Ħamis 18 ta' Diċembru 2008 il-Kumitat tas-Soċjeta Mużikali Santa Katarina, wara konsultazzjoni twila mal-Bandisti, għażel lil Josef Grech biex ikun hu l-Assistent Surmast tal-Banda Santa Katarina V.M.

developed by CasaSoft