Assistent Surmast Alan Schembri

L-Assistent Surmast Alan Schembri twieled nhar it-13 t'Ottubru 1982, iben Martin Schembri u Rita neѐ Schembri miż-Żurrieq.
Fi tfulitu, Alan kien jattendi l-MUSEUM u kien jagħmel parti mill-abbatini fil-Parroċċa taż-Żurrieq. Huwa kien jattendi l-iskola primarja taż-Żurrieq, l-iskola sekondarja ta' Santu Wistin tal-Pietà, u l-iskola post-sekondarja Paolino Vassallo f'Raħal Ġdid.
Alan beda l-ewwel studji mużikali tiegħu fl-1988 fl-età ta' 6 snin fil-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M. għand l-Assistent Surmast u għalliem tal-alljievi Mro. Ray Sciberras F.L.C.M .
Wara Mro.Sciberras, Alan kompla l-istudji mużikali tiegħu għand is-Surmast direttur tal-Banda Mro. Francis Falzon L.(Mus) L.C.M., L.R.S.M. u baqa' sa ma ngħaqad mal-Banda Santa Katarina V.M. fil-Milied tal-1996. Minn hemm Alan baqa' jattendi b'mod regolari għall-lezzjonijiet tal-banda, kunċerti u servizzi li jkollha l-Banda Santa Katarina V.M.
Missieru Martin huwa wkoll bandist regolari mal-Banda Santa Katarina V.M. fejn jokkupa l-kariga ta' solista tal-klarinett. Missieru ilu bandist mal-Banda mis-sena 1974. Alan kien ukoll membru fis-sotto kumitat tal-banda bejn is-sena 2003-2008. Alan kien ukoll Awditur tal-Każin bejn is-sena 2002-2005.
Sitt xhur biss wara li ngħaqad mal-banda, Alan esperjenza l-ewwel safra meta l-Banda marret iddoqq f'Bari ġewwa l-Italja fl-1997. Fis-sena 2000, Alan inħatar solista fuq il-kurunetta, kariga li għadu jokkupa sal-ġurnata tal-lum.
Kien fil-programm vokali u strumentali tal-festa tas-sena 2000 fejn Alan għamel l-ewwel solo tiegħu bil-pistonin meta ndaqqet is-silta La Traviata ta' Giuseppe Verdi fejn interpreta l-parti tas-sopran. Minn hemm Alan baqa' jagħmel is-solijiet li kien jafdalu s-Surmast tal-Banda.
Xi siltiet oħra li daqq Alan bħala solista fuq il-kurunetta jew il-pistonin kienu: Il Trovatore ta' Giuseppe Verdi fejn interpreta wkoll il-parti tas-sopran, La Sonnambula ta' V. Bellini, is-silta famuża Granada, Spanish Trumpet ta' Rita Defoort, Trumpet Melody ta' Roberta Villata u ħafna oħrajn.
Ta' min jgħid li s-silta Granada, Alan daqqha wkoll bħala solist meta l-banda kienet imsiefra għall-ħames darba gewwa Lucca (Firenze), l-Italja fis-sena 2004, u s-silta Trumpet Melody daqqha ġewwa Budapest fl-2009 dejjem akkumpanjat mill-Banda Santa Katarina V.M.
Alan ilu mis-sena 2001 idoqq mal-orkestri fil-knejjes. Fosthom, daqq fil-knejjes ta' San Pawl il-Belt Valletta, Sant' Andrija f' Ħal Luqa, Santa Tereża B'Kara u Santa Katarina V.M. ż-Żurrieq u f'diversi akkademji u oratorji fosthom l-Oratorju Santa Katarina ta' Lixandra, kompożizzjoni ta' Mro. Francis Falzon. Huwa jkun mistieden minn diversi baned lokali sabiex idoqq magħhom fosthom mal-Banda Ċittadina King's Own tal-Belt Valletta.
Alan baqa' jistudja privatament it-tagħlim tat-teorija għand is-Surmast Mro. Francis Falzon L.(Mus) L.C.M., L.R.S.M. Kien fis-sena 2002 meta Alan ikkompona l-ewwel marċ tiegħu u minn hemm baqa' jirregala marċi lis-Soċjetà kull meta l-Banda tkun se tipproduċi sett ta' marċi ġodda li jsir prattikament kull sentejn. Fosthom ma nistgħux ma nsemmux wieħed mill-marċi popolari tiegħu li jismu ‘Palm of Victory' li mhux biss huwa popolari fiż-Żurrieq iżda li jindaqq minn diversi baned Maltin u Għawdxin.
Sfortunatament, b'dieqa kbira kellu jieqaf jistudja minħabba saħħet is-Surmast fejn l-akbar ġerħa kienet meta waslet l-aħbar fis-26 t'Ottubru 2008 li s-Surmast Francis Falzon għadda għall-ħajja ta' dejjem.
Ta' min jgħid ukoll li Alan ma kienx attiv biss fil-banda, iżda wkoll fil-qasam pirotekniku fejn saħansitra kien attenda kors fl-2003 ġewwa d-depot tal-pulizija u wara kiseb illiċenzja ‘B' sabiex ikun jista' jattendi u jassisti ġewwa l-kamra tan-nar tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. Hu baqa' jattendi u jaħdem in-nar sal-2009 fejn kellu jieqaf minħabba raġunijiet personali. Alan kien ukoll jagħmel parti mis-sotto kumitat tan-nar fejn mill-2006 - 2009 kien jokkupa l-kariga ta' kaxxier.
Fis-sena 2011, Alan ingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ ma' Stefania, neѐ Coleiro. Kienet propju hi u l-ġenituri tiegħu li reġgħu ħajru lil Alan sabiex ikompli l-istudju tat-teorija fil-mużika fejn kien ħalla mal-mibki Surmast Francis Falzon. Kien propju għalhekk li Alan ħa l-inkoraġġiment tal-familja tiegħu u avviċina lil Mro. Etienne Spiteri F.L.C.M. sabiex ikompli l-istudji tiegħu għandhu. Dan huwa l-istess surmast li kien diġa` wera l-fiduċja tiegħu f'Alan meta fis-sena 2010 għażlu sabiex jieħu f'idejh it-tagħlim tal-alljievi fis-sezzjoni tar-ram ġewwa l-każin tal-banda Pompei ta' Marsaxlokk.
F'Diċembru 2012, is-Surmast Josef Grech ġie maħtur Surmast Direttur tal-Banda Santa Katarina V.M. u għalhekk ġiet vakata l-kariga ta' Assistent Surmast. Kien f'Jannar 2013, meta l-kumitat tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M., wara laqgħa ta' konsultazzjoni mal-bandisti, ħatar lis-sur Alan Schembri bħala Assistent Surmast tal-banda Santa Katarina V.M. Din il-kariga tinvolvi wkoll it-tagħlim fis-sezzjoni tar-ram li jsir kull ġimgħa fil-Każin.