Soċjeta Mużikali Santa Katerina V.M. Żurrieq A.D. 1864
Navigazzjoni Agħfas hawn biex tisma Radju Santa Katarina Kalendarju
Frar 2019
Tn Tl Er Ħa Ġi Si Ħa
1 2 3
4 5 6 7 8 9 10
11 12 13 14 15 16 17
18 19 20 21 22 23 24
25 26 27 28

Mailing List
Downloads Sancta Catharina - Zurricanorum Patrona Uploadja Ritratti

F'dan is-sit ġdid, issa kulħadd jista' jtella ritratti b'mod vera sempliċi!

Tella ritratti int wkoll!

275 Sena mil--Konsagrazzjoni tal Knisja 1731-2005

 

Il-Knisja taż-Żurrieq inbniet bejn l-1632 u l-1657(1). Skond il-liġi, Knisja ġdida trid tiġi konsagrata jew għal-inqas titbierek biex fiha jista' jibda jsir il-kult divin(2) u tiġi mogħtija titular li, darba konsagrata, qatt ma jista' jinbidel aktar(3). Il-Konsagrazzjoni sseħħ darba biss, u ssir biż-żejt qaddis tal-griżma, taħlita ta' żejt taż-żebbuġa u balzmu, u l-Knisja tikseb b'hekk karattru li biħ il-post ma jista jintuża għal xejn aktar ħlief għall-qima t'Alla(4) .

L-ewwel ħjiel dwar id-dedikazzjoni tal-Knejjes jagħtih Ewsebju ta' Caesarea fis-seklu erbgħa(5), u fis-seklu sitta, b'mod aktar ċar, jirreferi għalih il-Papa Vigilju(6). Iċ-ċerimonjal ikkomplika ruħu fil-medjuevu, meta l-elementi tal-funzjoni rumana tħalltu ma' dawk tar-rit Gallikan, iżda l-funzjoni stabbiliet ruħha fil-forma fissa tagħha meta Guglielmu Duranti ħareġ l-edizzjoni tal-Pontifikal Ruman(7). Il-Konsagrazzjoni kienet, aktar milli hi issa, ċerimonja twila u kkumplikata li tieħu ż-żmien, iżda li fl-essenzjal tagħha tikkonsisti f'erba' taqsimiet prinċipali li huma: (a) it-tberik, (b) id-depozizzjoni tar-relikwi, (c) il-Konsagrazzjoni u (d) il-quddiesa tad-dedikazzjoni(8).

Il-Konsagrazzjoni tal-Knisja taż-Żurrieq saret erbgħa u sebgħin sena wara li tlesta l-bini tagħha, jiġifieri fis-seklu tmintax, li nistgħu nqisuh bħala l-aqwa żmien fl-istorja tagħha. F'dan is-seklu ż-Żurrieq kellu popolazzjoni ta' madwar 2260 ruħ, imqassmin f'606 familja(9), u l-knisja kienet moqdija b'numru hekk kbir ta' saċerdoti li l-quddies ta' matul il-għodwa ma kien jieqaf b'xejn, hekk li l-Isqof Molina fl-1680 kien stqarr li l-Knisja taż-Żurrieq kienet moqdija daqs Kolleġġjata insinji(10). Biżżejjed insemmu li fl-1754 il-Knisja tar-raħal kellha 35 sacerdot, 3 sudjakni, 3 akkolti u 4 tonsurati jservuha(11).

Fi żmien il-Konsagrazzjoni l-Knisja taż-Żurrieq kienet għadha fuq għamla ta' salib latin, mingħajr iż-żjieda tal-faċċata l-ġdida, l-oratorju, u mingħajr in-navati. Il-faċċata tagħha kienet aktar 'il ġewwa milli hija llum, u kienet tasal sa fejn hemm illum in-niċċa ta' Santa Katarina(12), filwaqt li l-bieb il-kbir, li kien iġib id-data 1658, kien imqiegħed bejn erba' kolonni(13). Il-faċċata ma kellhiex kampnari, u l-kampnar waħdieni kien marbut mas-sagristija u jħares għal fuq il-misraħ tar-raħal(14). Il-qiegħa tal-Knisja kienet miksija bl-oqbra, u taħt il-kor kien hemm il-kripta fejn jindifnu l-qassisin taż-Żurrieq(15). Il-Knisja kellha artal maġġur elevat fuq presbiterju, artal tal-kor li fiħ kienu jintrefgħu ir-relikwi, u tmien artali laterali. Fil-kappellun tan-naħa tal-misraħ kien hemm l-artali tal-Madonna ta' Monserrat u ta' Santu Rokku, waqt li faċċata tagħhom kien hemm l-artali tar-Rużarju u tat-Trinità. Il-korsija kellha erba' artali dedikati lill-Kunċizzjoni, Sant'Andrija, San Stiefnu u tal-Karmnu. Dawn l-artali kienu lkoll imżejna b'lavur mill-isbaħ, b'kolonni u kapitelli, skultura u ornati oħra li kienu tneħħew mal-bini tan-navati(16). Il-Knisja kellha tliet fratellanzi, tas-Santissmu Sagrament, tar-Ruzarju, u ta' Santu Rokku u kellha wkoll is-sodalità tal-agunija(17).

Kien il-Kappillan Dun Ġużeppi Gregoro Casanova (1728-1738) li flimkien mal-qassisin u l-poplu kollu taż-Żurrieq talbu l-Konsagrazzjoni tal-Knisja taħt il-ħarsien ta' Santa Katarina V.M., li għaliha l-istess Knisja matriċi kienet ilha dedikata sa minn bosta sekli qabel(18). Nhar il-31 ta' Mejju 1729, matul l-ewwel vizta pastorali ta' l-Isqof Fra Paolo Alpheran de Bussan goż-Żurrieq, il-Kappillan wera lill-Isqof bix-xewqa tal-poplu u tal-kleru li jsir tabernaklu ġdid għal fuq l-artal maġġur, u li l-Knisja tar-raħal tkun solennament ikkonsagrata. L-Isqof Alpheran laqa' din it-talba bil-ferħ, u ħeġġeġ lill-kleru u l-poplu biex joħorġu xi ħaġa tal-flus għall-ispejjez meħtieġa. Il-Kleru kiseb ukoll il-fakoltà li jiddepozita, separatament u speċifikament għal dan il-għan, fil-kaxxa tal-Veneranda Lampada, is-somma ta' 352 skud miġbura mis-saċerdoti taż-Żurrieq wieħed wieħed(19). Hawnhekk qegħdin inġibu l-kontribuzzjonijiet tal-qassisin, fosthom id-donazzjoni ġeneruża taż-żewġt aħwa Testaferrata, benefatturi insinji tal-Knisja taż-Żurrieq.

  • Rev. Kappillan Dun Ġużeppi Gregorio Casanova - 30 skud
  • Dun Ġużepp Vassallo - 10 skudi
  • Dun Vincenz Mizzi - 12-il tari
  • Dun Gwann Maria Barbara - 10 skudi
  • Dun Valerio Magro - 4 skudi
  • Dun Andrea Zammit - 15-il skud
  • Dun Ġużeppi Testaferrata - 50 skud
  • Dun Anton Testaferrata - 50 skud
  • Dun Lawrenz Caruana - 4 skudi
  • Dun Filippu Magro - 12-il skud
  • Dun Arkanglu Formosa - 10 skudi
  • Dun Ġużepp Zammit - 12-il tari
  • Dun Frangisk Magro - 4 skudi
  • Dun Gwann Mifsud - 12-il skud
  • Dun Gwann Duminku Zammit - 5 skudi
  • Dun Gwann Battista Formosa S.T.D. - 10 skudi
  • Dun Gwann Magro - 12-il tari
  • Dun Salv Arkang Zammit - 4 skudi
  • Dun Anton Camilleri - 10 skudi
  • Djaknu Gakbu Bondi' - 3 skudi
  • Suddjaknu Ġużeppi Zammit - 10 skudi
  • Kjeriku Ġużeppi Cachia - 5 skudi
  • Kjeriku Erkole Mamo - 25 skud
  • Kjeriku Ġużeppi Mangion - 20 skud
  • Kjeriku Luqa Sammut - 21 skud

Għal xi raġuni, minn din il-lista tal-qassisin jinsab nieqes is-saċerdot Dun Gorg Velasco. Is-Saċerdot Dun Ġużepp Farrugia J.U.D. minn naħa tiegħu wiegħed li jagħti tant flus daqs kemm iħoss ruħu mqanqal li jikkontribwixxi lill-knisja taż-Żurrieq mit-tjieba tiegħu.(20)

Il-Konsagrazzjoni tal-Knisja taż-Żurrieq u ta' l-altar maġġur tagħha saret nhar il-Ħadd 30 ta' Dicembru 1731, li ħabat matul l-ottava tal-festa tal-Milied .(21) Nhar il-15 ta' Diċembru ħareġ l-editt uffiċjali tal-Kurja jħabbar il-Konsagrazzjoni tal-knisja tar-raħal "...fuq ix-xewqa u t-talb tan-nies taż-Żurrieq... għall-unur ta' Santa Katarina titular ta' l-istess knisja."

L-editt, jagħti ħjiel ħafifa fuq il-ħajja tal-Verġni ta' Lixandra, meħud minn waħda mill-lezzjonijiet tat-tieni notturn tal-Matutin, mbagħad iwissi ‘l Kappillan biex iħabbar l-indulgenzi marbuta mal-Konsagrazzjoni, u biex iħeġġeġ lin-nies ħalli jsumu lejliet dik il-ġurnata hekk qaddisa "...kif aħna stess sejrin nagħmlu, u kif jixraq lil solennità bħal din." (22)

Lejliet il-Konsagrazzjoni, kif ħeġġeġ l-editt, kienet tkun ġurnata ta' sawm u astinenza bħala tħejjija, u filgħaxija ta' dak is-sibt memorabbli, l-Isqof kien iwassal fir-raħal ir-relikwiji mqaddsa li l-għada kellhom jindifnu fl-altar maġġur. Ir-relikwiji kienu biċċa mid-driegħ ta' San Felic martri, u parti mir-riġel tal-qaddisin martri Santa Klara u Santa Veneranda. (23)

Skond il-pontifikal ruman, ir-relikwiji kienu jitwasslu f'xi kappella jew oratorju qrib il-Knisja li tkun ser tiġi kkonsagrata, u fil-każ taż-Żurrieq ftit hemm dubju li ntgħazlet għal dan il-għan il-Kappella tal-Madonna tal-Pilar u San Gakbu fi Strada Rjali, li kienet għada kif nbniet u li tbierket f'dik l-istess sena. (24) Hemm hekk l-Isqof issiġilla r-relikwiji ġol-kaxxa permezz ta' l-inċira u bis-siġill tiegħu. Wara tkanta l-matutin u l-lawdi de commune plurimorum martyrum, u hekk kif l-Isqof ħalla l-kappella, il-qassisin tqassmu matul il-lejl jirreċitaw l-uffizzjatura quddiem ir-relikwiji mqaddsa.

Fil-jum tal-Konsagrazzjoni, il-Knisja taż-Żurrieq sebħet magħluqa, bl-altar maġġur tagħha zarmat għal kollox. L-Isqof ġie mlibbes l-abiti pontifikali, mbagħad quddiem il-bieb ewlieni tbierket it-taħlita ta' l-ilma. Għal tliet darbiet tbierku l-ħitan tal-Knisja minn barra, fil-għoli, l-isfel u fin-nofs, u ma' kull dawra l-Isqof kien iħabbat fuq il-bieb bil-baklu u jsejjaħ lid-djaknu maqful ġewwa. Dan kien iberraħ il-bieb mat-tielet sejħa. L-Għorrief ifissru dawn it-tliet barkiet tal-ħitan bħala simbolu ta' l-immersjonijiet batteżimali, li huma il-konsagrazzjoni tar-ruħ lil Alla.

L-Isqof kien mbagħad jidħol fil-Knisja u jinbeda l-kant tal-Veni Creator Spiritus, u tal-litanija tal-Qaddisin. Sa dan it-tant, tul il-Knisja sa taħt il-Koppla kien hemm firxa ta' rmied għamlu ta' X, u mall-kant tal-Benedictus l-Isqof, bil-ponta tal-baklu, beda jħażżeż fl-irmied l-ittri ta' l-alfabet, l-ewwel bil-Grieg, mbagħad bil-Latin, għelm ta' l-universalita‘ tal-Knisja, u simbolu tat-tagħlim li l-Katekumenu jieħu fil-fidi u fit-tjieba. L-Isqof bierek imbagħad l-ilma Gregorjan, li hu taħlita ta' ilma, rmied, melħ u nbid mbagħad mal-bieb kien iħażżeż l-għelm tas-salib bħala ħarsien għall-dak il-bini Qaddis. Bl-ilma Gregorjan, kienu jsiru mbagħad ħames slaleb fuq wiċċ l-altar, u jitbierku l-ġnub u l-mensa kollha għall-seba' dawriet, u l-qiegħa tal-Knisja għal diversi drabi.

 

Imbagħad ġew miġjuba r-relikwiji qaddisa tal-Martri bit-translazzjoni solenni, u fejn il-bieb il-kbir l-Isqof kellem lill-folla u nqraw iż-żewg digrieti tal-Konċilju Tridentin mill-Pontifikal Ruman. Iż-żewġ koxox tal-bieb ewlieni ġew imbagħad midluka biż-żejt tal-grizma, u l-Isqof u l-Kleru għaddew imbagħad għall- konsagrazzjoni ta' l-altar. Ġie l-ewwel ikkonsagrat is-sepulkrett, li fih tqiegħdu mbagħad bil-qima r-relikwiji, u li ġie mbagħad ssiġillat b'għatu kkonsagrat permezz ta' siment imbierek.


L-altar ġie mbagħad inċensat minn kull naħa tiegħu għal tliet darbiet waqt l-antifona stetit angelus bħala għelm tal-fwieħa tat-talb li jitla' mill-altar. Sa tmiem il-konsagrazzjoni, l-altar kien jibqa' jiġi ncensat minn saċerdot, u sa dan it-tant l-Isqof kien jaqbad jikkonsagra il-mensa fin-nofs u fit-truf, darbtejn biż-żejt tal-griżma u darba biż-żejt tal-katekumeni. Fl-aħħar, il-wiċċ tal-mensa ta' l-altar kien jingħorok biż-żewg żjut f'daqqa. L-isqof beda mbagħad jikkonsagra t-tnax-il pilastru maġġuri tal-knisja, fejn sa llum għad hemm is-slaleb ta' l-irħam b'tifkira u b'għelm ta' t-tnax-il kolonna tal-Knisja li huma l-Appostli. Il-pilastri ġew inċensati, u fuq il-mejda ta' l-altar inħarqu ħamest irjus kbar ta' l-incens. Wara dan, l-Isqof ikkonsagra il-gnub u l-faċċata ta' l-altar, tqaddset il-quddiesa tad-dedikazzjoni tal-Knejjes, u tħabbru l-indulġenzi. (25)


Filgħaxija ta' dak il-jum memorabbli, l-Isqof Alpheran xtaq li ad unur Santa Katarina jiċċelebra Vespri solenni pontifikali mgħejjun minn żewg kanonċi assistenti u mill-kleru tar-raħal: mbagħad l-għada filgħodu, jum it-Tnejn fl-ottava tal-Milied, l-Isqof ippontifika fil-Knisja konsagrata. (26) Il-Kappillan Casanova ħallielna tifkira mportanti ta' din il-ġrajja tal-Konsagrazzjoni, f'kitba nserita fir-reġistru tal-magħmudijiet.

Il-kitba tgħid hekk:

"Il-jum tat-30 ta' dan ix-xahar ta' Dicembru 1731 saret il-Konsagrazzjoni ta' din il-Knisja Parrokkjali tar-raħal taż-Żurrieq, taħt il-ħarsien ta' Santa Katarina V.M., mill-Ill.mu u Rev.mu Sinjur Fra Paolo Alpheran de Bussan, għall-unur ta' Alla, li għalih din id-dar tkun qaddisa matul iż-żminijiet kollha, u għall-ġieħ ta' Santa Katarina V.M., patruna ta' dan l-istess raħal. Din għalhekk hija l-ġurnata li għaż-żminijiet kollha li għad iridu jiġu, għad tibqa' tissemma u tkun imfakkra matul il-ġenerazzjonijiet kollha ta' wliedna; u dan il-maqdes ikun il-post magħżul minn Alla u mqaddes minnu, biex fih jissemma l-isem tiegħu għal dejjem, u fejn jibqgħu jgħassu l-għajnejn tiegħu, u tgħammar il-qalb tiegħu matul iż-żminijiet, għat-talb ta' dawk kollha li għad jidħlu jitolbu f'din il-Knisja.

Fuq kollox, f'dak l-istess jum, l-istess Ill.mu u Rev.mu Sinjur ikkonċeda indulġenza plenarja lil kull min qerr u tqarben u nvista din il-Knisja, bit-talb li jsir is-soltu matul il-jum kollu tal-Konsagrazzjoni; u xtaq li matul iż-żminijiet li għad iridu jiġu tkun ukoll gawduta minn dawk kollha li, wara li jkunu qerru u tqarbnu, iżuru l-Knisja u jitolbu fiha nhar l-anniversarju tal-Konsagrazzjoni, li hu ordna li għandu jkun iċċelebrat kull nhar it-tieni Ħadd fuq l-Epifanija. (27)

U għall-glorja akbar lil Alla u lil Santa Katarina, l-Isqof xtaq li filgħaxija, liebes bil-paramenti pontifikali, jiċċelebra Vespri solenni; u wara nġabar fid-dar mħejjija għalih flimkien mal-kanonċi li kienu jakkompanjawh.

Fil-jum tal-31, l-istess Ill.mu u Rev.mu Isqof qaddes pontifikal solenni, li għalih attendew ħlejjaq kbar ta' nies, u li fih saret priedka biex tintwera lill-poplu d-dinjità tal-Knisja li ġiet ikkonsagrata.

L-indulġenza hawn fuq mogħtija fil-ġranet imsemmijin ġiet konċessa bi grazzja speċjali tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XIII...

Ir-relikwiji li jinsabu midfuna fl-altar maġġur huma tal-qaddisin martri Felic, Klara u Veneranda." (28)

Għall-okkażjoni ta' dik il-ġrajja storika, u biex tibqa' tifkira dokumentata, il-kleru taż-Żurrieq u l-Isqof talbu ‘l-Kanċillier tal-Kurja biex jagħmel proċess verbal ta' dak li sar dakinhar. Din il-kitba notarili, miżmuma fl-atti ċivili tal-Kanċellerija tal-Kurja tgħid hekk:

"...Fis-sena elf, seba' mija u wieħed u tletin...tletin mix-xahar ta' Diċembru, fl-għaxar indizzjoni..l-Ill.mu u Rev.mu...Fra Paolo Alpheran de Bussan... ta l-kunsens tiegħu għax-xewqat u għat-talb imħeġġeġ tan-nies taż-Żurrieq, għat-tifħir u l-glorja, u l-unur ta' Alla... u għal Santa Katarina li taħt isimha twaqqfet din il-Knisja.

Wara li mal-Knisja... taż-Żurrieq...ġie mwaħħal editt pubbliku... u ssejjaħ il-patroċinju ta' Santa Katarina...l-Isqof...permezz ta' solennitajiet stipulati u mitluba mill-liġi...permezz ta' traxxix ta' l-ilma, u bl-inċens, u bid-dlik taż-żjut imqaddsa...ikkonsagra u ddedika l-Knisja u l-altar, filwaqt li ġew imħarsa...iċ-ċerimonji u r-riti preskritti...u b'idejh stess poġgħa fis-sepulkrett ta' l-altar maġġur imsemmi, ir-relikwiji mill-għadam tal-martri Felic, Klara u Veneranda...u ordna li l-festa tal-Konsagrazzjoni ...għandha ssir kull sena nhar it-tieni Ħadd fuq l-Epifanija. Hu espressament iddikjara li fl-altar huwa xtaq jikkonsagra l-istruttura kollha tiegħu, mis-sisien 'il fuq, sal-gnub, u l-wicc ta' l-irham immobbli mwahhal fuq l-istess ġnub ta' laltar, mingħajr iżda ma jinkludi l-iskannelli ta' l-irħam li hemm fuq il-ġnub ta' l-altar għat-tiżjin tiegħu; prezenti l-Wisq Rev. di Sinjuri Dun Guzepp Perdon, Fra Antonino Cutayar, is-Suddjaknu Vincenz Mamo, u ħafna membri tal-kleru u ħlejjaq kbar ta' nies. Bħala tifkira u xhieda ...ir-Rev Kappillan... u l-Kleru ta' l-imsemmi raħal talbu lili, Kanċillier tal-Kurja, biex insawwar kitba pubblika...u jien li ktibt... fl-imsemmija parrokkjali Knisja...preżenti n-nutar Antonio Buhagiar, il-wisq Rev. Dun Ġużepp Caruana Kappillan...ta' Ħal Safi, u Ġużeppi Carolo Hellul bin in-nutar Gio. Vincenz mir-raħal tal-Qrendi, u bosta xhieda oħrajn." (29)

Hawnhekk huwa xieraq li wieħed jiddeskrivi l-altar maġġur li kien ġie konsagrat. Il-Vista Pastorali tal-1736-40 tiddeskrivih bħala elevat f'nofs il-presbiterju u merfugħ fuq żewg turġien, b'suppedale ta' l-injam. L-altar kien kollu ta' l-irħam ta' lwien differenti, bi rħama sħiħa bajdanija li tgħattilu l-wiċċ tiegħu...(30) Fl-1759 l-Isqof Rull jagħti wkoll deskrizzjoni sabiħa... "(l-Isqof) żar ukoll l-altar ewlieni, f'nofs il-Post il-Qaddis, bejn il-Kor u l-Presbiterju, mibni għall-kollox mill-irħam, b'wiċċ ta' rħama sħiħa tistrieħ u mwaħħla fuqu... u konsagrat mill-Isqof Alpheran nhar it-30 ta' Diċembru 1731; bl-iskannell u l-mensoli tiegħu, li fuqhom jidhru l-armi tal-Gran Mastru Manoel (de Vilhena) u ta' l-Isqof Alpheran." (31)

It-tabernaklu kien ta' l-injam indurat minn barra, u minn ġewwa miksi bil-bellus ħamrani. (32) Qiegħdin nagħtu din id-deskrizzjoni ta' l-altar maġġur biex nuru li dan sofra tibdil strutturali waqt it-tibdil enormi li rat il-Knisja Arċipretali fi żmien l-Arcipriet Mifsud, tant li partijiet mill-irħam ta' l-altar llum jinsabu fil-passag li nfetaħ mis-sagristija tal-Qassisin għal ġol-kappellun ta' Santu Rokku, fl-istess żmien li nqalgħu kwistonijiet kbar fuq dan it-tibdil.

Bħala tifkira tal-Konsagrazzjoni twaħħlet ukoll lapida kommemorattiva, u milli jidher din kienet tpoġġiet mal-faċċata tal-knisja fuq ġewwa. Meta bejn l-1753 u l-1758 kienu reġgħu bnew il-faċċata mill-ġdid, u resqu 'l barra fuq iż-żuntier madwar għoxrin xiber, din il-lapida oriġinali kienet tneħħiet, iżda mal-bini tal-faċċata l-ġdida ħasbu biex fuq il-bieb il-kbir iħejju post għal skrizzjoni simili. (33) Il-lapida li hemm fuq il-lemin tal-bieb ewlieni tal-Knisja, u li saret fi żmien l-Arċipriet Dun Salv Gauci tgħid hekk:

D.O.M. IN HONOREM S. CATHARINAE V.M. TEMPLUM HOC III KAL. Januarii MDCCXXXII SOLEMNIBUS COEREMONIIS ALPHERAN DE BUSSAN EP. MELIT. DEDICAVIT. (34)

Bil-Malti din l-iskrizzjoni tfisser:

LIL ALLA L-AKTAR TAJJEB U L-AKTAR QAWWI GĦALL ĠIEĦ TA' S. KATARINA V.M. DIN IL-KNISJA NHAR IT-30 TA' DIĊEMBRU 1731 B'RITI SOLENNI ALPHERAN DE BUSSAN ISQOF TA' MALTA IKKONSAGRA.

Referenzi:

  1. Arch. Archiep. Melit. Vis. Bulaguer 1656-59 Fol. 96v. Arch. Cath. Pastoralia Ms. 180 Fol. 251
  2. Conc. Trid Sess. xxii. CIC Can. 1165 Par. 1
  3. Idem Can. 1168 Par. 1
  4. The Catholic Encyclopaedia. N.Y. 1908. iv. 280
  5. Hist. Eccl. 10. 3
  6. Patr. Lat. 69:18
  7. Cod. Vat. 4744 in J. Catalani Pontificale Romanum Comm. Illust. Paris, 1851 pp. 242 sqq
  8. Ghal sintezi tal-izvilupp storiku ara: Dictionnaire d"Archeolgie Chretienne et de Liturgie IV. 374-405. The Catholic Encyclopedia N.Y. 1967 111. 862
  9. Arch. Parr. Zurrici. Status Animarum 1754
  10. Arch. Cath. Pastoralia Ms. 180 Fol. 251
  11. Arch. Parr. Zurrici. Status Animarum 1754
  12. A.A.M. Vis. Rull 1758-60 Fol. 388v.
  13. Idem Vis. Alpheran 1736-40 Fol. 850r.
  14. Idem Vis. Rull 1758-60 Fol. 389r.
  15. Ibid.
  16. A.A.M. Vis. Rull 1758-60 Fol. 384r-388r.
  17. Idem Fol. 384v; 385;387v; 386r.
  18. A.A.M. Vis. Alpheran 1728-29 Fol. 474r-v
  19. A.A.M. Cancelleria. Acta Civilia 1731-32 Fol. 166v, 168r.
  20. Idem Vis. Alpheran 1728-29 Fol. 474r-v.
  21. Ibid.
  22. A.A.M. Cancelleria. Act. Civ. 1731-32 Fol. 166v-167r.
  23. Arch, Parr. Zurrici. Liber Baptizatorum IV (1685-1751) Fol. 289 A.A.M. Vis. Alpheran 1736-40 Fol.839r.
  24. A.A.M. Cancelleria. Act. Civ. 1731-32 Fol. 167v-168v.A.A.M. Cancelleria Acta Civ. 1731-32 Fol. 166v-167r. Arch. Parr. Zurrici. Liber Bapt. IV (1685-1751) Fol.289. A.A.M. Vis. Alpheran 1736-40 Fol. 839r.
    24. Ibid. Fol. 861r. Ferris, A. Descrizione Storica delle Chiese di Malta e Gozo Malta, 1866 p.392.
  25. Pontificale Romanum: Clementis VIII ac Urbani VIII iussu editum. Romae MDCXLIV. De Eccelesiae Dedicazione. Pontificale Romanum: Clementis VIII......et a Benedicto XIV recognitum et castigatum. Romae MDCCLII. 1868 ed. Pp. 138-176.
  26. Arch. Parr. Zurrici. Liber Bapt. IV (1685-1751) Fol. 289.
  27. L-Anniversarju tal-Konsagrazzjoni llum jigi ccelebrat f'jum wiehed komuni ghall-Knejjes kollha ta' l-Arcidjocesi.
  28. Arch. Parr. Zurrici. Liber Bapt. IV (1685-1751) Fol. 289.
  29. A.A.M. Cancelleria. Act. Civ. 1731-32 Fol. 166v-167r.
  30. A.A.M. Vis. Alpheran 1736-40 Fol. 839r.
  31. Idem Vis. Rull 1758-60 Fol. 384-v.
  32. A.A.M. Vis. Rull 1758-60 Fol. 383r.
  33. Idem Fol. 388v-389r.
  34. Skrizzjoni fil-Knisja Arċipretali.

minn Anthony Mangion Lic. D., M.A. (Sheffield)

 

developed by CasaSoft